Il-Prim Ministru jgħid li l-baġit juri ekonomija b’saħħitha

Waqt li kien qed jitkellem fil-Każin tal-Partit Laburista fin-Naxxar, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li t-tliet baġits preżentati mill-Gvern Laburista ma kinux kostretti mal-manifest elettorali imma juru pjan ċar għal ekonomija b’saħħitha.
Muscat qal li dawn juru differenza kbira minn dawk ippreżentati mill-Partit Nazzjonalista fejn in-nies kienu jiġu magħrfa biex jagħmlu s-sagrifiċji għal xi raġuni jew oħra.
Il-Prim Ministru qal li l-gvern naqqas it-taxxa tad-dħul għal dawk li qatt ma tnaqqsilhom din it-taxxa biex b’hekk il-Gvern jinċentiva lil min hu bieżel.
Kompla jgħid li b’dan il-baġit il-Gvern qed jiffoka fuq dawk li huma f’riskju ta’ faqar u l-pensjonanti. Huwa qal li mis-sena d-dieħla l-pensjoni se tiżdied b’ammont sinifikanti għall-ewwel darba wara 20 sena.
Saħaq li l-Gvern qed jaħdem id f’id mas-settur privat b’inizjattivi ġodda fosthom ir-restawr tal-Forti Sant’Iermu u numru ta’ proġetti oħra.
Reazzjoni PN
F’reazzjoni, l-Partit Nazzjonlaista qal li f’diskors ta’ siegħa, Joseph Muscat ikkonferma kemm hu maqtugħ mir-realtajiet tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, meta għażel li jinjora l-akbar problema li hawn f’pajjiżna, dik tat-traffiku, li hi frustranti għal kull min ikun irid jivjaġġa minn post għall-ieħor.
L-istqarrija ttemm tgħid li “l-baġit ta’ Muscat fih ftit għalik u ħafna għalihom.”