Il-Prim Ministru jgħid li Dr Joseph Muscat imissu jistħi, u mhux hu!

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni u qallu li hu jmissu jistħi (shame on you) talli għamel snin twal jaħdem kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u anke tal-pariri ħżiena li ta tul dawn is-snin.

Waqt diskussjoni fil-Gżira il-Prim Ministru semma’ uħud mill-pariri tal-Mexxej Laburista fosthom li l-ekonomija ta’ Malta għandha timxi fuq l-istess passi ta’ Ċipru.

Wara d-dibattitu kemmxejn jaħraq bejn il-mexxejja politiċi fl-MCAST, il-Prim Ministru qal li hu m’għandux għaliex jistħi għaliex kien proprju Gvern Nazzjonalista li fetaħ il-bibien tal-MCAST.

Irrefera għall-każ “tal-blokka l-bajda” u qal li l-Partit Laburista qed jipprova jaħbi atti kriminali. Dr Gonzi tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ħolqien tax-xogħol.

Għamel referenza għat-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li l-ekonomija Maltija se tkun it-tieni l-aktar ekonomija li fix-xhur li ġejjin se tkun qed tikber.