Il-Prim Ministru jgħid li din hija kampanja elettorali pożittiva u matura

Il-Prim Ministru ta’ Malta, Dr Lawrence Gonzi tenna li l-kampanja elettorali s’issa hija kampanja tajba u li ż-żewġ partiti qegħdin iwasslu l-messaġġ tagħhom b’mod matur. Huwa qal dan waqt li kien qed inkun intervistat fuq il-programm ‘Għandi x’ Ngħid’.

Meta mistoqsi dwar x’inhi l-aktar proposta li ntlaqat tajjeb minn nies, il-Prim Ministru qal li l-ħolqien tax-xogħol. Huwa kompla jgħid li din il-proposta tolqot lil kulħadd, speċjalment iż-żgħażagħ li wara li jiggradwaw ikunu jridu jsibu x-xogħol. Il-Prim Ministru spjega li l-wegħda li jinħolqu 25,000 post tax-xogħol hija wegħda li taffettwa lil kulħadd. In-nies jafu x inhu jiġri barra minn xtutna, żgħażagħ ifittxu x-xogħol, nies jipprotestaw fit-toroq, sostna l-Prim Ministru.

Dr Gonzi fisser kif il-proposta tat-tablet intlaqat tajjeb ħafna għaliex il-kontenut tat-tablet jinbidel kull sena biex b’hekk l-istudent ma jkollux iġorr it-toqol tal-kotba. Il-Prim Ministru tenna li l-proposta tat-tablets tapplika għall-iskejjel tal-gvern, knisja u privati. Il-proposta tas-saħħa speċjalment fejn għandha x’taqsam il-kundizzjoni tad-dijabete, hija proposta oħra li ntlaqat tajjeb mill-poplu Malti kompla jgħid il-Prim Ministru Gonzi.

Waqt din l-intervista sar ukoll referenza għall-ammont li Malta rnexxilha tikseb mill-UE. Il-Prim Ministru qal li dawn il-flus se jmorru għal aktar ħolqien tax-xogħol u l-kompetittivita`ta’ pajjiżna, is-saħħa u l-edukazzjoni. Saret ukoll refereza għal każ tat-tixħim taż-żejt. Il-Prim Ministru spjega li l-proklama mhijiex xi ħaġa li tingħata kuljum u ngħatat għaliex il-persuna in kwistjoni ntrabtet li tagħti kull tagħrif possibbli u li trodd lura l-ammont li qalat bħala commission. Huwa kompla jgħid li l-Ministru Gatt tkellem għaliex fil-jiem li għaddew kienu bosta l-ispekulazzjonijiet dwaru u ried jiċċara l-pożizzjoni tiegħu.

Dr Gonzi rrefera ukoll għall-każ ta’ Toni Abela u qal din il-kwistjoni hija inaċċettabbli speċjalment meta huwa Viċi Kap tal-PL u li dan kollu qed isir bil-benedizzjoni tal-Mexxej tal-PL. Il-Prim Ministru temm jgħid li dan kollu jfakkru fil-Korp tal-Pulizija meta fil-passat kien manipulat politikament.