Il-Prim Ministru jfakkar il-103 snin mit-twelid ta’ Mintoff

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar il-103 snin mit-twelid tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff.

Fuq Twitter, meta xerred ritratt tiegħu quddiem il-monument ta’ Mintoff fi Pjazza Kastilja l-Belt Valletta, il-Prim Ministru kiteb li 103 snin ilu, twielet il-perit ta’ Malta postkolonjali u sekulari.

Mintoff kien Prim Ministru għal żewġ termini, bejn l-1955 u l-1958 u mbagħad mill-1971 sal-1984. Huwa kien Membru Parlamentari mill-1947 sal-1998.

L-eks Mexxej tal-Partit Laburista miet fl-20 t’Awwissu tal-2012, meta kellu 96 sena.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li fl-għeluq mill-103 anniversarju mit-twelid ta’ Dom Mintoff, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, fil-binja tal-Ministeru f’Palazzo Parisio, inawgura sala ddedikata għal memorja tal-Perit Mintoff.