Aġġornata: Il-Prim Ministru jerġa’ jmur l-Ażerbajġan

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab f’Baku fl-Ażerbajġan fejn illum se jibda jiltaqa’ forum organizzat miċ-ċentru internazzjonali Nizami Ganjavi bit-titlu “Building trust in a wider Europe”.
Dan il-forum huwa mifrux fuq tlett ijiem sa nhar il-Erbgħa 29 ta’ April.
L-għan tal-konferenza huwa li ssaħħaħ il-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u għaliha qed jattendu numru ta’ persuni distinti minn 40 pajjiż differenti fosthom Ewropej.
Preżent ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Libjan, Mohamed Dayri.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li d-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jiffoka fuq l-Unjoni Ewropea u l-politika barranija.
Il-Prim Ministru żar Baku f’Diċembru tas-sena li għaddiet fejn attenda bosta laqgħat bilaterali mal-Gvern tal-Ażerbajġan.
F’Baku, il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-President tal-Ażerbajġan fejn ġew diskussi l-oqsma ta’ koperazzjoni u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-President Aliyev qal li l-Ażerbajġan trid tilħaq ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi Ewropej.
Joseph Muscat ippropona li l-koperazzjoni tinfirex ukoll fl-edukazzjoni.
Spjega li s-servizzi edukattivi offruti f’Malta u ntlaħaq qbil li dan jiġi studjat fiż-żmien li ġej.

Reazzjoni PN
Dwar din iż-żjara, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li għal darb’oħra kellha tkun il-midja li tikxef iż-żjara tal-Prim Ministru fl-Ażerbajġan.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dawn iż-żjarat qed iqajmu suspetti kbar peress li l-Prim Ministru qed jagħżel li jaħbi. L-istqarrija ssostni li l-aħħar darba tkellem dwar l-Ażerbajġan, il-Prim Ministru pprova jagħti l-impressjoni li kien għadu ma jafx jekk kienx se jattendi jew le.
Il-Partit Nazzjonalista qal li issa jirriżulta li Joseph Muscat telaq minn Malta lejn Baku lbieraħ wara nofsinhar.
L-Oppożizzjoni qalet li l-Prim Ministru jrid jgħid ċar u tond x’inhi l-verità dwar x’inhuma l-interess personali tiegħu li ġej u sejjer l-Ażerbajġan u qed tistenna li jagħmel stqarrija ministerjali fil-Parlament dwar din iż-żjara.

Ritratt: DOI

Reazzjoni Gvern
Għal dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Gvern qal li l-istedina biex il-Prim Ministru jżur l-Ażerbajġan ilha magħrufa aktar minn xahar.
Intqal li Joseph Muscat qed iżur l-Ażerbajġan wara li s-Sibt li għadda għamel żjara fl-istess pajjiż, il-President Franċiż Francois Hollande fejn iffirma ftehim għal Università bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Gvern qal li għal Simon Busuttil, Malta għandha toqgħod lura u taħdimx biex iġġib l-investiment mal-Ażerbjġan kif qed jagħmlu pajjiżi oħra Ewropej.