Aġġornata: Il-MEPA twaqqaf żvilupp illegali ta’ bini f’Ħal Farruġ

Aġġornata: Ix-xogħol ta’ żvilupp illegali li kien għaddej f’Ħal Farruġ kien imwaqqaf mill-MEPA. Hu mifhum li fil-jiem li għaddew, ħaddiema tal-awtorità tal-ambjent u l-ippjanar innutaw li xi xogħolijiet kienu reġgħu bdew isiru wara li xhur qabel, il-bini kien issiġġillat. Fi stqarrija, l-MEPA sostniet li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ Polidano sabiex jiġi diskuss l-iżvilupp u anke kwistjonijiet oħra pendenti.

Aktar kmieni: Wara li l-gazzetta The Sunday Times irrapportat li Charles Polidano reġa’ beda l-iżvilupp illegali f’Ħal Farruġ, is-sit elettroniku tal-istess gazzetta rrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li l-Gvern se jassigura li ma jkun hemm ebda bini illegali.

Skont il-gazzetta, ix-xogħol f’Ħal Farruġ beda mill-ġdid sitt xhur wara l-intervent tal-Pulizija, minħabba abbuż ambjentali. Ix-xogħol reġa’ beda ftit jiem qabel l-elezzjoni u baqa għaddej dwan l-aħħar jiem, minkejja d-diversi avviżi. Il-gazzetta tgħid li l-MEPA saħansittra talbet li tittieħed azzjoni kriminali fil-konfront tal-aħwa Polidano.

Intant, aktar kmieni llum, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkollu laqgħa mal-Kabinett dwar il-proċeduri fir-rigward tal-fabbriki tan-nar. Dan wara li rapporti fil-media indikaw li kien hemm applikazzjoni lill-MEPA biex tinbena mill-ġdid il-fabbrika tan-nar fl-Għarb Għawdex fejn f’Novembru li għadda tilfu ħajjithom erba’ persuna. Filwaqt li Dr Muscat sostna li l-applikazzjoni tal-iżvilupp trid issegwi l-proċeduri normali tal-MEPA, l-Prim Ministru saħaq li se jkun qed jara li r-rapport dwar il-logħob tan-nar li kien ippreżentat lill-Gvern is-sena li għaddiet, jibda’ jiġi implimentat.