Il-Prim Ministru jappella għal komunikazzjoni ma’ min għadu qed jaħsibha

F’attività politika taħt it-tinda fl-Isla, l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi appella biex il-partit tiegħu jikkomunika ma’ min qiegħed id-dar jaħsibha dwar id-destin tal-vot.

Il-Prim Ministru sostna li eluf kbar għadhom qed jaħsbu jekk jivvutawx jew le, minbarra li hemm dawk li se jivvutaw ghall-ewwel darba. Dr Gonzi appella liż-żgħazagħ biex ma jirreferux għall-istorbju tal-mass meetings iżda jirreferu għall-pariri ħżiena, li fi kliemu, l-kap tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat qallu biex jimxi fuq il-passi ta’ Ċipru, pajjiż li ma kellux il-kuraġġ biex jagħmel riformi kbar fl-ekonomija.

Il-Prim Ministru rega’ kkritika lill-Mexxej Laburista fil-kritika tiegħu lill-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tat-tarzna. Dr Gonzi fakkar fit-tmexxija tal-Partit Laburista li fi 22 xahar bejn l-1996 u l-1998, kissret il-pajjiż bl-introduzzjoni ta’ ħafna taxxi u qagħad li kien rekord filwaqt li skont il-Prim Ministru, l-istess nies li kienu parti mit-tmexxija ta’ Gvern Laburista għadhom jimmilitaw fl-istess partit sa llum. Huwa għalhekk fi kliem il-Prim Ministru li l-bidla għall-aħjar hija l-għażla tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Gonzi saħaq li x-xogħol huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox u jekk ma jinħoloqx ix-xoghol, is-saħħa u l-edukazzjoni ma jibqgħux sostenibbli u tinħoloq problema fit-tkattir tal-proġetti u għalhekk, kien hawn li l-Prim Ministru kkonferma l-bżonn ta’ investiment ta’ €215 -il miljun li għandhom ikattru 25,000 post tax-xogħol ġdid.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Kottonera li ġiet mgħonija bi proġetti kbar mill-Partit Nazzjonalista. Fost l-oħrajn, Dr Gonzi semma il-Yacht Marina, dar ta’ l-anzjani u ġonna li fi kliemu ħolqu ambjent li ġab bidla kbira fil-ħajja tan-nies tal-Kottonera.