Il-Prim Ministru Indjan jattakka Arċisqof dwar ittra pastorali qabel l-elezzjoni

Il-Prim Ministru Indjan, Narenda Modi, attakka lill-Arċisqof Thomas Macwan ta’ Gandhinagar li f’ittra pastorali li ħareġ ix-xahar li għadda, lejlet l-elezzjonijiet fl-istat ta’ Gujarat, wissa dwar it-theddida tal-“forzi  nazzjonali” Hindu. Iżda l-Insara ħaduha kontra l-Prim Ministru u appoġġjaw lill-Isqof tagħhom.
F’ittra pastorali ppubblikata fil-21 ta’ Novembru li għadda, l-Arċisqof Macwan li jmexxi l-Knisja Kattolika żgħira f’Gujarat wissa li l-“forzi nazzjonali dalwaqt jieħdu l-pajjiż f’idejhom” u sejjaħ lill-knejjes Kattoliċi lokali biex jorganizzaw servizzi ta’ talb biex ikunu eletti kandidati “li jibqgħu leali lejn il-Kostituzzjoni Indjana u jirrispettaw lil kull persuna mingħajr diskriminazzjoni”.
Fl-4 ta’ Diċembru, bla ma semma isem l-Arċisqof, il-Prim Ministru Modi qal “inħossni xxukkjat kif persuna reliġjuża ħarġet ordni kontra l-forzi nazzjonali”. Modi hu l-Kap tal-Bharatiya Janata Party magħmul min-Nazzjonalisti Hindu li bħalissa għandu l-poter kemm fl-Indja bħala pajjiż kif ukoll  fl-istat ta’ Gujarat.
Hu żied jikkritika lill-Isqof  anke fuq Twitter fejn kiteb “jien sorpriż li nara persuna assoċjata mal-ispiritwalità jordna li l-forzi Nazzjonalisti jitneħħew mil-poter”.
L-Arċisqof Macwan fl-ittra pastorali kien ikkundanna l-attakki kontinwi kontra l-Insara u gruppi minoritarji oħra. “It-tessut sekulari u demokratiku ta’ pajjiżna hu fil-periklu. Id-drittijiet tal-bniedem qed ikunu miksura. Id-drittijiet kostituzzjonali mgħaffġa. Ma tgħaddix ġurnata li ma jkunx hawn attakk fuq xi knisja jew xi istituzzjoni tagħha. Fost il-minoritajiet u l-foqra,  in-nuqqas ta’ sigurtà qed jikber kuljum “, kien saħaq l-Arċisqof.
L-Arċisqof qal li kien hemm attentat biex ibeżżgħu lill-votanti u biex il-poplu jinqasam fuq bażi ta’ twemmin.
Ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tal-ittra pastorali, il-Kummissjoni Elettorali tat avviż lill-Arċisqof Macwan, li jmexxi l-komunità ta’ 160,000 Kattoliku fost is-66 miljun tal-istat ta’ Gujarat, biex jgħid għaliex l-appell li għamel fl-ittra pastorali m’għandux jitqies li jikser il-liġi elettorali.  Dan sar wara li gruppi Ħindu talbu li l-Arċisqof ikun arrestat minħabba dak li kiteb fil-pastorali.
L-Arċisqof wieġeb lill-Kummissjoni Elettorali li aċċettat l-ispjegazzjoni tiegħu u l-każ waqaf hemm.