Il-Prim Ministru Grieg se jistenna lill-kredituri internazzjonali jkunu ‘realistiċi’

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras qal li wara li fi Brussell fallew it-taħdidiet għal ftehim dwar id-dejn tal-Greċja, il-Gvern tiegħu se jistenna lill-kredituri internazzjonali biex isiru realistiċi.
Il-Kummissarju Ewropew Guenther Oettinger kien qal li hemm bżonn li l-Kummissjoni Ewropea tippjana għal emerġenza.
Spjega li jekk ifallu n-negozjati mal-Greċja u l-Gvern Grieg jirrifjuta l-ftehim dwar tnaqqis fil-pensjonijiet, fl-1 ta’ Lulju, il-Greċja se tiġi kkunsidrata bħala “żona ta’ emerġenza” – pajjiż li qed jikkollassa ekonomikament.
Dwar dan il-Prim Ministru Grieg qal li l-Gvern tiegħu qed jirrifjuta tnaqqis fil-pensjonijiet.
Il-Ministri tal-pajjiżi fiż-żona Ewro, nhar il-Ħamis se jkunu qed jiltaqgħu fl-aħħar attentat biex jintlaħaq ftehim.