​​​Il-Prim Ministru għandu ħafna xi jwieġeb dwar l-Air Malta – PN

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Safi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo qal li li l-Gvern qed jagħżel li jħalli lill-poplu Malti u Għawdxi fid-dlam dwar il-futur tal-Air Malta.
Sostna li l-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu komplew jitfgħu d-dubji dwar is-sostenibbiltà tal-linja nazzjonali tal-ajru u l-futur tal-ħaddiema, speċjalment meta jgħid li se jipprivatizza parti mill-Air Malta.
Arrigo tkellem ukoll dwar l-indħil politiku u kif dan ġie kkonfermat miċ-Chairman tal-Air Malta stess meta qalet li hi tirrapporta direttament fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Tkellmet ukoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Ewropej, Marthese Portelli li sostniet li l-Gvern qed jilgħab man-nar f’settur li huwa importanti għall-ekonomija ta’ Malta.
Portelli qalet li l-pożizzjoni tal-Gvern trid tkun ċara mal-impjegati biex ma jiġrilhomx bħalma ġralhom l-impjegati tal-Enemalta. 

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, l-Gvern qal li ħareg ċar li l-kelliema tal-PN ma jafux il-fatti bażiċi dwar il-linja tal-ajru nazzjonali.
L-istqarrija ssostni li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem dwar l-Air Malta.