Il-Prim Ministru fiduċjuż li Malta tikseb pakkett finanzjarju tajjeb mill-UE

Fi Brussell illum se jkompli s-summit ta’ jumejn bejn is-27 mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jipprovaw jilħqu ftehim dwar il-flus allokati għall-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.

Minkejja li bosta pajjiżi Ewropej iridu li tonqos in-nefqa, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li jinsab fiduċjuż li Malta se tikseb pakkett finanzjarju tajjeb. Oriġinarjament Malta kienet eleġibbli għal €480 miljun imma rnexxielha iżżidhom għal €680 miljun.

Il-laqgħa tas-summit bejn il-mexxejja baqgħet għaddejja sa tard filgħaxija biex jaraw kif se jkun hemm reviżjoni fuq in-nefqa bħal fl-agrikoltura, l-infrastruttura, l-amministrazzjoni u l-koeżjoni.

Jidher li lbieraħ filgħaxija l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy ippropona li jkompli jnaqqas b’€45 biljun, il-baġit bejn l-2014 u l-2020. Dan ifisser li s-somma totali tal-flus allokati għall-pajjiżi membri se tkun €912 biljun.

Jekk il-mexxejja jilħqu ftehim, ill-pass li jmiss ikun li l-Parlament Ewropew japprova l-baġit. Imma jekk ma jintlaħaqx ftehim sal-aħħar ta’ din is-sena, il-baġit tal-2013 se jibda jiġi implimentat b’xahar xahar, u dan ipoġġi f’riskju ċertu proġetti maġġuri.

Uħud mill-mexxejja bħall-Prim Ministru Ingliż David Cameroniridu li jkun hemm aktar trażżin fl-infiq. Imma l-President Franċiż Francois Holland iddeskriva t-talba ta’ Cameron bħala “irraġunabbli”. Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel għandha r-rwol ta’ medjatur bejn iż-żewġ pajjiżi.