Il-Prim Ministru favur pont jew mina bejn Malta u Għawdex

Waqt iż-żjara tiegħu f’Għawdex, il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi, appoġġja l-idea li jkun hemm pont jew mina taħt il-baħar, bejn Malta u Għawdex.

Dr Gonzi qal dan waqt business breakfast li sar f’lukanda f’Marsalforn.

Il-Prim Ministru qal ukoll li Għawdex se jibbenefika minn aktar fondi, b’mod partikolari taħt il-fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali.

Huwa semma l-bżonn ta’ aktar child-care centres f’Għawdex, u li jkun hemm aktar ħidma mill-gvern biex f’Għawdex jiġi ġġenerat aktar turiżmu.