Il-Prim Ministru ddiżappuntat bil-kbir b’Tancred Tabone

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi hu ddiżappuntat bil-kbir bl-aħbar li Tancred Tabone, hu involut fil-każ ta’ korruzzjoni fix-xiri taż-żejt.

Fi stqarrija, il-Prim Ministru qal li qatt mhu se jaċċetta “li persuni, maħtura biex iħarsu l-interessi nazzjonali fuq enti pubbliċi, jitradixxu l-fiduċja murija fihom”.

Il-Prim Ministru qal dan wara li Tancred Tabone, membru ewlieni tal-komunità kummerċjali Maltija, ġie mressaq il-Qorti b’rabta ma’ fatti li allegatament seħħew meta huwa kien responsabbli li jħares l-interess pubbliku fuq il-bord tal-Enemalta.

Dr Gonzi qal li l-fatt li fl-2005 ma reġax inħatar bħala Chairman tal-Enemalta u dawn l-allegati każi ġraw disa’ snin ilu, “m’huma ta’ l-ebda konsolazzjoni” għalih.

Saħaq li huwa inaċċettabli meta persuni jmorru kontra l-fiduċja muriha fihom, l-iktar meta huma mexxejja tal-pajjiż. Meta jagħmlu hekk, qal il-Prim Ministru, ikunu qed inawru il-fiduċja tal-publiku, mhux biss fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fit-tmexxija tal-entitajiet pubbliċi, iżda wkoll inawru l-fiduċja fis-settur privat.

Qal ukoll li s-settur privat għandu jibqa’ il-pilastru tat-tkabbir u l-immanġġjar xieraq u korrett tar-riżorsi tagħna fl-ekonomija miftuħa ta’ pajjiżna.

Sostna li l-liġi u l-Kodiċi ta’ Etika għad-diretturi li jservu fuq bordijiet fis-settur pubbliku jirregolaw l-imġieba tal-persuni maħtura biex iservu f’dawn il-posizzjonijiet u dawn japplikaw ukoll għall-impjegati kollha tal-entitajiet pubbliċi.

Dr Gonzi kompla jgħid li “f’Awissu 2003, fil-kapaċità tiegħu ta’ chairman tal-Enemalta, is-Sur Tabone ta kuntratt ta’ konsulenza ta’ sena lis-Sur Frank Sammut. Skont id-dokumenti tal-Enemalta, dan il-kuntratt ma ġiex imġedded fuq struzzjonijiet tal-Ministru Austin Gatt.”

Saħaq li min-naħa tiegħu għamel kull ma seta’ biex jiffaċilita l-investigazzjoni tal-allegazzjonijiet kollha, fosthom li ta proklama lil George Farrugia biex toħroġ iktar informazzjoni dwar dan il-każ.

Il-Prim Ministru temm jgħid li “kull individwu, sew jekk huwa uffiċjal jew impjegat fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll jekk għandu x’jaqsam magħhom, irid iwieġeb għall-għemilu”.