Il-Prim Ministru Awstraljan iwiegħed liġi kontra d-diskriminazzjoni reliġjuża

Il-Prim Ministru Awstraljan wiegħed li l-Gvern tiegħu, is-sena li ġejja jintroduċi liġi li tipproteġi minn diskriminazzjoni a bażi ta’ twemmin reliġjuż.
“L-Awstralja hi post fejn id-diskriminazzjoni a bażi tal-identità tal-persuna, inkluż l-identità reliġjuża, m’humiex aċċettabbli,” qal fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Scott Morrison. “Dan hu pajjiż fejn nirrispettaw  id-drittijiet tal-istituzzjonijiet reliġjużi li jżommu l-ispirtu reliġuż distint tagħhom u allura l-liġijiet tagħna għandhom jirriflettu dawn il-valuri.
Il-Prim Ministru qed jippjana wkoll li jaħtar Kummissarju għal-Libertà Reliġjuża fil-Kummissjoni Awstraljana għad-Drittijiet Umani.
Il-Gvern irid jagħmel it-twemmin reliġjuż fi klassi protetta bħalma huma r-razza u s-sess u jittama li jassigura li gruppi li ma jaċċettawx iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess ma jitneħħielhomx l-istatus tagħhom bħala ‘karitajiet’.
Dawn il-bidliet se jsiru wara rapport ta’ reviżjoni dwar il-libertà reliġjuża fil-pajjiż li saret aktar kmieni din is-sena. F’dawn l-aħħar snin fl-Awstralja kien hemm ħafna dibattitu dwar il-libertà reliġjuża, fosthom is-sigriet tal-qrar, żwieġ bejn koppji tal-istess sess u temi oħra. Ir-Rapport jagħmel 20 rakkomandazzjoni li l-Gvern aċċetta  li jdaħħal 14 minnhom malajr kemm jista’ jkun.
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet, Liġi dwar id-Diskriminazzjoni Reliġjuża, se tkun introdotta wara konsultazzjoni biex jinkiseb l-appoġġ tan-naħat kollha tal-Parlament. Hemm ħames rakkomandazzjonijiet oħra li jinħtieġu aktar ħsieb fosthom bidliet li jolqtu l-impjieg u l-ammissjoni fi skejjelreliġjużi.
Il-Kap tal-Kumitat tar-Reviżjoni, Philip Ruddosck qal lill-gazzetta Awstraljana “Guardian Australia” li l-Kummissjoni “fittxet każi ta’ kondotta diskutibbli” kontra impjegati u studenti LGBT iżda dawn il-każi kienu ftit, rari u mhux ċari”.
L-Arċisqof Anthony Fisher ta’ Sydney, aktar kmieni din is-sena qal li “l-libertà li nipprattikaw it-twemmin tagħna ma’ tistax tittieħed bħala fatt, anke fl-Awstralja, għax jeżistu interessi b’saħħithom li qed ifittxu li jemarġinaw lill-insara u nies ta’ reliġjonijiet oħra, mill-ħajja pubblika. Dawn qed ifittxu li jwaqqfu l-fondi lill-iskejjel, sptarijiet u aġenziji reliġjużi u ma jibqgħux iqisuhom bħala ‘karitajiet’ u jtellfuhom kull protezzjoni.”
F’Lulju li għadda grupp ta’ trejd unjons għaddew mozzjoni biex jaħdmu ħalli jirrestrinġu d-dritt ta’ organiżazzjonijiet reliġjużi li jimpjegaw ħaddiema li jemmnu fit-tagħlim tal-Knisja dwar is-sesswalita.