Il-Prim Imħallef xorta se jisma’ l-każ dwar il-ħatriet ġodda

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi ċaħad it-talba li jastjeni milli jisma’ l-każ li l-Għaqda mhux Governattiva Repubblika għamlet sabiex tikkontesta l-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura l-ġodda. Huwa qal li ma kienx hemm objettivi għaliex kellu jagħmel dan.

Aqra: L-avukati ta’ Repubblika jitolbu biex il-membri l-ġodda tal-ġudikatura ma jingħatawx każi

Il-Qorti tal-Appell, it-Tnejn, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri qalet li t-talba ta’ Repubblika hija infondata.

L-għaqda argumentat li tkun ‘skrizofrenija ġudizzjarja’ jekk il-Prim Imħallef jippresjedi fuq appell, meta huwa responsabbli li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-ħatriet tal-ġudikatura l-ġodda lill-Prim Ministru.

L-għaqda Repubblika fl-argument tagħha dwar dan il-każ qalet li l-Qorti għandha tiddikjara l-ħatriet tal-membri tal-ġudikatura bħala null wara li l-Gvern għadu m’implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. L-NGO kompliet li m’għandux ikun hemm ħatriet ġodda sakemm ikun hemm sistema ġdida ta’ kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li l-kelma aħħarija kienet tal-Prim Ministru. Żiedet li l-Prim Imħallef jippresjedi fuq il-kumitat li jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u dan ma jfissirx li huwa esprima jew iddeċieda dan.

L-avukati Simon Busuttil u Jason Azzopardi kienu qed jidhru f’isem l-Għaqda Repubblika.

Aqra iktar:

6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Il-Gvern u Repubblika ma jaqblux dwar min rebaħ il-kawża dwar il-ħatriet tal-ġudikatura

Ġudikanti ġodda; il-PN jgħid li l-Gvern injora l-Kummissjoni ta’ Venezja

‘Il-Gvern kompla jkun arroganti u injora r-rakkomandazzjonijiet’ – Casa dwar il-ħatriet

Il-poter tiegħi naqas – Muscat