“Il-prijorità għandha tkun li jissolva l-assassinju ta’ Caruana Galizia” – Omtzigt lill-AĠ

Read in English.

Ir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt insista li jistenna li l-Avukat Ġenerali l-ġdid Dr Victoria Buttigieg tieħu azzjoni u tressaq quddiem il-Qorti lil dawk kollha involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Omtzigt kiteb ittra lill-AĠ illum li fiha awguralha fuq l-irwol il-ġdid tagħha, filwaqt li fakkarha fir-responsabbiltajiet u l-obbligi l-ġodda tagħha. Huwa qal li jifhem li huwa diffiċli li Buttigieg tagħmel it-tranżizzjoni minn Avukat tal-Istat, bħala konsulenta tal-Gvern, għal Avukat Ġenerali li trid taġixxi indipendentament mill-Istat u tara li ssir ġustizzja, iżda qawwielha qalbha biex tara li dejjem toħroġ il-verità.

Fl-ittra huwa semmielha kif l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ssemma madwar id-dinja billi ħasad lil bosta, speċjalment għall-fatt li sar f’pajjiż fejn suppost tirrenja d-demokrazija, u peress li kulma jmur, donnu qed jidher li Caruana Galizia nqatlet minħabba dak li kienet qed tirrapporta, jew dak li kienet għadha se tirrapporta. Lil Buttigieg talabha biex tressaq lil kull min hu involut il-qorti biex verament issir ġustizzja.

Dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia, Omtzigt qal li ħafna allegazzjonijiet baqgħu ma ssolvewx, minkejja li hemm għadd ta’ inkjesti maġisterjali għaddejjin. Żied jgħid li għalkemm l-Avukat Ġenerali għandu diversi poteri taħt il-Kodiċi Kriminali, Dr Buttigieg trid tara li l-inkjesti maġisterjali jkunu faċilitati u jintużaw b’mod xieraq.

Reazzjonijiet għall-ħatra ta’ Dr Buttigieg
Iben Daphne xettiku dwar l-AĠ il-ġdida; Delia ottimist

Apparti dan, ħeġġiġha biex tieħu azzjoni immedjata u effettiva fuq ir-rapport li kien ħareġ mill-inkjesta Egrant, li saret fl-2018, fuq allegazzjonijiet li din kienet tal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle. Fuq din l-inkjesta baqgħet qatt ma ttieħdet azzjoni, wara li l-inkjesta kienet sabet li l-kumpanija ma kinitx tal-koppja Muscat.

Omtzigt spjega li għalkemm sar progress fuq l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet strutturali fuq l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, is-sitwazzjoni fuq korruzzjoni fl-ogħla livelli għadha waħda mhux sodsifaċenti. Lil Dr Buttigieg qalilha li din issa hija responsabbiltà tagħha.

L-AĠ illum ġiet kritikata meta hi rrifjutat li tgħaddi kopja tal-inkjesta li saret fuq allegat tixħim bejn Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat u Brian Tonna minn Nexia BT, lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni li talab li tinfetaħ l-inkjesta.