Il-priġunieri żgħażagħ mhux għall-Kordin – Il-Ministru Camilleri

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ċaħad li l-priġunieri minorenni li jinsabu fiċ-Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi (CoRRS) fl-Imtaħleb se jiġu trasferiti għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan jikkuntrasta ma’ dak li sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li dan kien ippjanat li jsir sal-aħħar ta’ Settembru u li kien se jkun ifisser li priġunieri ta’ taħt il-21 sena jitpoġġew fl-istess faċilità tal-priġunieri adulti.

L-istess sorsi żiedu jgħidu li l-priġunieri żgħażagħ kienu ppjanati li jitpoġġew f’diviżjoni li tinsab fis-sular ta’ fuq tad-Diviżjoni tan-Nisa, li biex jaċċessawhom iridu jgħaddu mill-istess entraturi. Dan mhux konformi mal-liġi. Stqarrew li l-għażla l-oħra tkun li jgħaddu minn ġo single rooms areas “li għall-minorenni mhux l-ideali”.

Bi tħejjija għal dan iċ-ċaqliq, l-istess sorsi qalu li d-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Alexander Dalli, għalaq is-Sezzjoni Female B, biex dik il-parti tkun allokata għall-minorenni. Jidher ukoll li “ġie deċiż li f’din id-diviżjoni joqogħdu biss dawk ta’ taħt it-18-il sena, bl-oħrajn jingħaqdu mal-priġunieri adulti fid-diviżjonijiet l-oħra. F’Kordin il-priġunieri żgħażagħ se jkollhom aċċess għal inqas faċilitajiet”, żiedu jgħidu s-sorsi.

Dwar dan esperti legali qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-liġi titlob li l-priġunieri żgħar ikunu segregati mill-kbar, kif ukoll li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-età tagħhom u li jkunu salvagwardjati minn influwenzi ħżiena.

Nuqqas ta’ spazju fil-ħabs – Il-Prim Ministru

Barra minn hekk, is-sorsi ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li dan wassal biex id-Diviżjoni Female A issa tinsab imbullata u tinkludi kemm nisa kif ukoll persuni transesswali. F’din id-Diviżjoni minn żmien għall-ieħor mistennija tidħol omm b’tarbija tat-twelid, li bħalissa qiegħda l-isptar. Ġeneralment, nisa li jkunu għadhom kif kellhom tarbija jitpoġġew f’Female B biex ikollhom ċella għalihom u jkunu ‘l bogħod mill-foga tas-sigaretti. In-nuqqas ta’ spazju fil-ħabs ġie rrimarkat ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd 20 ta’ Settembru, meta kien qed jiġi intervistat bħala Mexxej Laburista fuq l-istazzjon One minn Peppi Azzopardi.

Sakemm ma jkunx hemm xi ħaġa eċċezzjonali…

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk il-priġunieri minorenni hux se jiġu trasferiti għall-Kordin, il-Ministru Byron Camilleri, viżibilment skomdu, qal li l-CoRRS l-Imtaħleb kien u hemm se jibqa’. Kompla għid li sakemm ma jkunx hemm xi ħaġa eċċezzjonali, m’hemm l-ebda pjanijiet li ż-żgħażagħ li bħalissa jinsabu l-CoRRS imorru fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-CoRRS fl-Imtaħleb sar b’investiment ta’ €1.5 miljun kofinanzjati minn Fondi Norveġiżi. F’April 2017 meta ġie inawgurat dan iċ-ċentru, il-Ministru għall-Intern ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela kien qal li kien inaċċettabbli li għal iktar minn 20 sena, iż-żgħażagħ kienu qed jinżammu fl-istess faċilitajiet korrettivi tal-adulti.

Taqbel li l-priġunieri żgħażagħ ikunu mifruda minn dawk adulti?

Ikkummenta hawn taħt jew ibgħat fuq info@newsbook.com.mt