40 persuna mmultati għax kienu fi gruppi t’aktar minn 3

40 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed waqt ir-rondi kontinwi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat t’aktar minn 3 persuni f’postijiet pubbliċi skont l-avviż legali li ħareġ il-Gvern.

Intant, persuna nqabdet tikser il-kwarantina obbligatorja fis-664 spezzjoni li saru f’24 siegħa. Dan tħabbar mill-Gvern fil-bulettin li joħroġ ta’ kuljum b’aġġornamenti dwar il-coronavirus.

Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li kien hemm 4 każijiet ġodda ta’ coronavirus u 8 każijiet li rkupraw. Dan ifisser li 99 persuna irkupraw mill-virus wara li kienu ttestjati pożittivi fl-aħħar ġimgħat.

F’Malta hawn total ta’ 426 każ li ttestjaw pożittivi u jekk tneħħi dawk li mietu jew irkupraw hawn 324 każ attiv.

Il-priġunieri jaħdmu l-maskri għall-ħaddiema tal-Gvern

Il-Gvern qal li l-priġunieri qed ikunu xempju ta’ kif il-pajjiż għandu jkun magħqud biex jaffronta l-isfida tal-coronavirus.

Fil-bulettin, il-Gvern qal li l-priġunieri fil-ħabs ta’ Kordin middew idejhom u bdew jaħdmu maskri u tagħmir protettiv biex jintużaw mill-ħaddiema fid-Dipartimenti tal-Gvern, mill-uffiċjali fil-ħabs u minnhom stess.

Il-Gvern qal ukoll li qed ikollu sfidi kbar biex jikseb materjal protettiv.

Stqarr ukoll li anke minn Kordin, ir-residenti qed juru li l-ħabs għandu jkun post ta’ riabilitazzjoni u mhux kastig.

Mediċina ppreparata mir-robots

It-Taqsima Ċentrali tal-Provvisti (CPSU) fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa investiet f’sistema robotika ġdida li qiegħda tieħu ħsieb tipprepara dożi tal-mediċina li qegħdin jinżammu fil-maħżen f’San Ġwann.

Dan qed jitqies l-ewwel pass fi proċess mekkanizzat sabiex il-mediċina preskritta tiġi preparata mir-robots. Il-mediċina ppakkjata mbagħad tingħadda lir-robot li jieħu ħsieb id-distribuzzjoni fl-Isptar Mater Dei. Dawn ir-robots jirnexxilhom jippreparaw madwar 4,000 doża kuljum.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn