Il-prezzijiet tal-propjetà f’Londra mistennija jkomplu t-triq tan-niżla

Il-prezzijiet tal-propjetà f’Londra u fix-xlokk tal-Ingilterra mistennija jkomplu jinżlu għax-xhur li ġejjin  kawża tad-diffikultajiet marbuta ma’ Brexit. L-aħħar survey magħmul minn Royal Institution of Chartered Surveyors fl-Ingilterra jispjega li id-diffikultajiet li qed taffaċċja r-Renju Unit minħabba d-dewmien ta’ Brexit qed iħallu anzjetà fis-suq, b’xerrejja u bejjiegħa ta’ propjetà indeċiżi jagħmlux il-pass neċessarju sakemm tissettilja din il-kwistjoni.

Dan ir-rapport tenna li d-domanda u l-provvista marbuta mal-qasam tal-propjetà naqset u l-indiċi tal-prezzijiet f’dan is-settur baqa f’territorju negattiv. Din in-negattività mistennija tittaffa xi ftit fix-xhur li ġejjin f’diversi zoni fl-Ingiltterra iża mhux f’dawk ta’ Londra u tax-Xlokk tal-pajjiż.

Intant dwar Brexit, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea taw estenzjoni għal-Brexit sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel insitiet li r-Renju Unit mhux se jkun qiegħed jiġi sfurzat il-barra mill-UE u li kemm jista’ jkun għandha tinstab soluzzjoni li ma twassalx għal Brexit mingħajr ftehim.

Amazon se tinvesti f’satelliti biex tipprovdi internet mad-dinja kollha

Amazon qed tinvesti fi proġett li mistenni jtella fl-orbità tad-dinja madwar 3,236 satellita biex jipprovdi internet veloċi fi kwalunkwe rokna tal-pjaneta. Dan il-proġett li qed jissejjajaħ Project Kuiper se jgħati opportunita’ lil Amazon biex jespandu u jilħqu miljuni ta’ konsumaturi ġodda. Amazon se tkun qed tikkompeti f’dan is-settur ma ġganti fil-qasam tat-teknoloġija spazjali li jipprovdu satelliti għal dan l-iskop. Fosthom diġà hemm ħidma simili minn SpaceX bil-proġett Starlink  u  One Web li għandha warajha lil SoftBank Group.

Skont esperti fil-qasam tas-settur, din il-mossa, li qed issir mingħajr ħafna daqq ta’ tnabar minn naħa ta’ Amazon, se tkun qed tipprovdi l-possibbilta’ lill-kumpanija li tkabbar il-bejgħ tagħa minħabba li tkun qed iżżid b’mod esponenzjali l-ammont ta’ nies li jistgħu jaċċessaw l-internet.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.