​Il-prezzijiet tad-djar qed jogħlew malajr – Fitch

L-aġenzija tal-credit rating Fitch Ratings qalet li l-prezzijiet tad-djar qed jogħlew malajr f’Malta.
F’rapport ippublikat fit-28 ta’ Frar, il-Fitch qalet li din iż-żieda fil-prezz kienet minħabba influss qawwi ta’ ħaddiema barranin, settur tat-turiżmu li qed jisplodi, l-iskema tal-first-time buyers, u nuqqas fl-ammont ta’ djar disponibbli.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, kien qal ma’ Newsbook.com.mt li l-prezz tal-kera m’għandux ikun ogħla minn terz tad-dħul ta’ familja, jekk irid ikun assigurat għajxien diċenti.
Dan ifisser, li jekk familja tgħix fuq il-paga minima nazzjonali (€735.63 fix-xahar), il-prezz tal-kera m’għandux jissupera l-€245 fix-xahar.
L-aġenzija tar-Ratings Fitch qalet li l-ispiża ta' unità tax-xogħol (unit labour costs) ta’ Malta se jiżdiedu minkejja titjib fil-produttività. Skont Fitch, dan jista’ jnaqqas il-kompetittività ta’ Malta fiż-żmien medju.
L-ispiża ta’ unità tax-xogħol hija kkalkulata fuq l-ispiża medja tax-xogħol għal kull unit ta’ output. Il-kalkolu jsir bħala proporzjoni bejn l-ispiża totali tax-xogħol u l-ispiża reali tal-output.
Il-Fitch qalet ukoll li s-settur bankarju għadu sod bi proporzjoni robusti tal-kapitalizzazzjoni u l-likwidità.
Il-Fitch irrappurtat li d-dħul nazzjonali għal kull persuna huwa ogħla mill-medjan ‘A’. Fi kliem il-Fitch, indikaturi tal-Governanza huma għoljin li jirriflettu rispett lejn il-liġijiet (saltna tad-dritt), u governanza effettiva.
Il-Fitch qalet ukoll li r-rata tal-qagħad hija fost l-aktar rati baxxi fiż-żona Ewro. Affermat ukoll il-credit rating tal-A+ ta’Malta.
Fitch bassret li l-bilanċ ġenerali tal-Gvern se jibqa’ b’surplus ta’ 1.5% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD).
F’reazzjoni għar-rapport tal-Fitch, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li jinsab kuntent li l-Fitch qalet li l-prezzijiet tad-djar huma konformi mal-fundamentali u li l-aġenzija temmen li hemm fatturi mitiganti kontra xi instabilità li tista’ sseħħ.