Il-Gvern joħroġ il-wegħdiet għax riesqa l-elezzjoni – PN

Read in English.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista xeħet l-attenzjoni tiegħu fuq l-ambjent, u qal li l-Gvern falla fil-qasam ambjentali u f’paniku qed joħroġ b’wegħdiet għall-konvenjenza, għax waslet l-elezzjoni u minn dak li kien ġie mwiegħed baqa’ ma sar xejn.

Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio waqt il-konferenza fid-Dar Ċentrali.

Jason Azzopardi qal li fi Frar tal-2016, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar u wiegħed park nazzjonali fiż-Żonqor li kellu jkun kbir 929,000 metru kwadru, u dak li l-Gvern kien qal li kellu jkun l-akbar proġett ambjentali sal-lum baqa’ ma sar xejn. Huwa qal li fl-2017, il-Ministru Josè Herrera kien wiegħed fil-Parlament li l-parti tal-impjant ta’ Sant’Antnin li kienet sfat meqruda fin-nirien tkun mibnija sal-aħħar tas-sena li għaddiet u baqgħet ma saritx. Dan bħalma twiegħed sit tal-ikkampjar f’Kemmuna u lista ta’ siti bħala public domain sites u wkoll baqa’ sar xejn, qal Azzopardi.

Aġġornata: X’se jiġri bil-bżieżaq, konfetti u boroż tal-plastik?

Dwar il-plastik, Azzopardi qal li huwa surreali għall-aħħar kif il-Partit Soċjalista fl-Oppożizzjoni jniżżel lin-nies fit-toroq jipprotestaw kontra l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fuq it-taxxa ambjentali maħsuba li teqred il-boroż tal-plastik u llum, għaxar snin wara, il-Partit Soċjalista fil-Gvern jgħidilna li għandu viżjoni ambjentali għax se jeqred l-użu tal-boroż tal-plastik.

Michael Briguglio qal li l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti għall-ambjent u l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN jinsabu impenjati li jħarsu s-settur ambjentali permezz tal-manifest elettorali.

“Il-prezzijiet qed jagħmluha diffiċli biex iż-żgħażagħ jixtru jew jikru post” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żgħażagħ u l-familji Maltin għandhom dritt għal akkomodazzjoni diċenti u affordabbli, iżda l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-propjetà u tal-kirjiet qegħdin jagħmluha ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ jixtru jew jikru akkomodazzjoni diċenti.

“Inkwetanti l-ispejjeż tal-ħajja u l-kirjiet għoljin” – Mark Pisani

Dan qaluh il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight u Michael Briguglio waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali. 

“Ta’ ħsara kbira li tifqa’ s-suq bil-propjetà li tibqa’ vojta” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Ivan Bartolo qal li minn stħarriġ li kien sar mal-aġenti tal-propjetà kien irriżulta li l-prezz tal-propjetà f’Malta żdied bi kważi 50% fi żmien sentejn u rapport tal-KPMG wera li l-prezz medju ta’ appartament żdied b’24%. Minn stħarriġ li kien sar mill-Malta Today kien irriżulta li 95.1% iqisu li l-prezzijiet tal-kirjiet huma problema nazzjonali. Huwa qal li statistika li kienet ġiet ippreżentata fil-Parlament kienet turi li matul dawn l-aħħar ħames snin kienu saru rapporti dwar 27 persuna li nstabu jorqdu barra. NGOs li jgħinu lil min m’għandux saqaf fuq rasu qalu li din ċ-ċifra ta’ dawn in-nies hija ferm ħafna akbar u dan meta l-YMCA tirċievi ħames talbiet kuljum li iżda ma jistgħux jaċċettaw għaliex sfortunatament ma jkollhomx aktar post.

“L-aġenti tal-propjetà b’aktar importanza bir-riforma tas-suq tal-kera” – Galdes

Michael Briguglio u Roselyn Borg Knight ukoll tkellmu fuq ċifri simili maħruġin mill-Ewrobarometru. Briguglio attribwixxa dan it-tħassib fuq il-propjetà lill-Gvern Laburista, li skontu, m’għandux pjan fit-tul dwar kemm il-pajjiż u l-ekonomija jeħtieġu ħaddiema barranin. Borg Knight qalet li huwa l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan li qed joħloq bosta diffikultajiet fuq il-kirjiet u l-propjetà u dan b’impatt negattiv mhux biss fuq il-ħaddiema bi dħul baxx, iżda wkoll fuq il-klassi tan-nofs.

“MEP tajjeb jista’ jagħmel differenza kbira f’Malta” – Peter Agius

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius qal li MEP tajjeb jista’ jagħmel differenza kbira f’Malta. Waqt attività ta’ Agius fiż-Żurrieq, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li fil-Parlament Ewropew jeħtieġ li jiġu eletti dawk li l-aktar li jistgħu jirrappreżentaw lil Malta bl-aħjar mod, billi jkunu kapaċi jinnegozjaw u jikkonvinċu fil-kumitati fl-aħjar interess ta’ Malta. Huwa qal li Peter Agius wera l-kapaċità u li jista’ jaħdem għal dak ir-riżultat peress li diġà ressaq proposti studjati u dettaljati.

Agius qal li fost l-esperjenzi tiegħu fi Brussell, ħadem fil-kabinett tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, mexxa Dar l-Ewropa hawn Malta u nnegozja liġijiet Ewropej fil-Kunsill tal-Ministri.