Il-prezz taż-żejt se jibqa’ baxx

Il-kumpaniji Royal Dutch Shell u BP wissew lill-investituri biex ma jistennewx żidiet sostanzjali fil-prezz taż-żejt fl-2017 hekk kif ħabbru pjanijiet biex ikomplu jnaqqsu l-ispejjeż, dan kif jinsabu affaċċjati b’żidiet kbar fid-djun.
Iż-żewġ kumpaniji, li t-tnejn huma kwotati fuq il-Borża ta’ Londra, indikaw li mhux qed jistennew li l-prezz taż-żejt jitla’ aktar minn 50 – 55 dollaru l-barmil is-sena d-dieħla, li jfisser ħarira biss aktar mil-livelli attwali, f’sinjal li l-industrija bdiet tadatta għal kundizzjonijiet tas-suq fejn il-prezz taż-żejt jibqa’ baxx għal perjodu itwal taż-żmien.
Sa sentejn ilu l-prezz taż-żejt kien ta’ aktar minn 100 dollaru l-barmil, iżda Shell u BP għamluha ċara li għal futur previdibbli tali prezzijiet mhumiex qed jiġu kkunsidrati.
Mal-publikazzjoni ta’ din l-aħbar, l-ishma ta’ BP niżlu b’5%, filwaqt li dawk ta’ Shell baqgħu stabbli grazzi għal riżultati finanzjarji relattivament aktar pożittivi, li kienu l-frott ta’ programm aggressiv ta’ tnaqqis tal-ispejjeż kmieni din is-sena.
Iż-żewġ kumpaniji ħabbru li f’dawn iċ-ċirkostanzi m’għandhomx għażla ħlief li jkomplu jaqtgħu mill-investiment kapitali ippjanat, li sas-sena d-dieħla mistenni li jkun niżel b’madwar 40% fuq il-livelli ta’ sentejn ilu. 
Rekord ta’ bonds fl-2016
Riżultat primarju ta’ konsolidazzjoni qawwija madwar id-dinja bejn kumpaniji kbar, b’numru ta’ mergers u takeovers jiddominaw is-suq, wassal biex inħarġu ammont rekord ta’ bonds. Dawn approfittaw ukoll minn rati tal-imgħax baxxi, li qed jippermettulhom jinvestu b’rati mill-aktar favorevoli.
Bankiera u investituri madwar id-dinja qed jistennew li sal-aħħar tas-sena kumpaniji kbar bħall-AT&T (telekomunikazzjoni), Qualcomm (produzzjoni ta’ ċipep), Century Link (li tipproduċi fibre optic) u British American Tobacco (tabakk) kollha mistennija jirrikorru fis-suq għal self għal investimenti futuri tagħhom.
Filwaqt li dan huwa wkoll ċiklu normali fis-suq, jiġifieri perjodu ta’ attività qawwija aktar mis-soltu, il-pakketti ta’ stimolu mogħtija minn diversi banek ċentrali saħħew danil-proċess. Programmi ta’ xiri ta’ bonds ġew imnedija fl-aħħar xhur mill-Bank Ċentrali Ewropew, mill-Bank of England u mill-Bank of Japan, bit-tama li jżidu l-attività ekonomika, iżda li kellhom l-effett li mbuttaw l-imgħax ta’ ċertu bonds saħansitra f’territorju negattiv.
B’kollox, fl-2016 madwar id-dinja inħarġu mas-sitt triljun dollaru f’bonds, żieda ta’ kważi 10% fis-sena li għaddiet, u esperti tas-suq qed jistennew li sal-aħħar tas-sena jintlaħaq l-ogħla livell qatt rappurtat.
Filwaqt li għall-investituri li qed ifittxu alternattivi fis-suq din hija aħbar pożittiva, esperti kummerċjali wissew kontra ż-żieda qawwija ta’ dejn fil-karti tal-bilanċ tal-kumpaniji, dejn li jista’ jkun għali wisq biex jiġi rifinanzjat meta r-rati jibdew jogħlew.
Sharp timmira għall-ewwel profitt fi 3 snin
Il-kumpanija tal-elettronika Sharp qed timmira li tirreġistra profitt għall-ewwel darba fl-aħħar tliet snin, wara li l-proprjetarju l-ġdid tagħha, Foxconn, kumpanija Tajwaniża, iddikjara impenn li jitnaqqsu drastikament l-ispejjeż operattivi tagħha.
Tai Jeng-Wu, il-President ta’ Sharp nieda reviżjoni ta’ kull aspett tal-mod ta’ kif il-kumpanija qed twettaq in-negozju tagħha, mid-distribuzzjoni, ix-xiri u saħansitra kirjiet tal-proprjetà, hekk kif ikkommetta ruħu li jdawwar malajr ir-rotta negattiva li tinsab fiha d-ditta.
Foxconn, magħrufa formalment bħala Hon Hai Precision Industry, akkwistat żewġ terzi ta’ Sharp għal 3.7 biljun dollaru aktar kmieni din is-sena, u ġġib magħha esperjenza twila fil-qasam tal-elettronika u għarfien teknoloġiku fil-qasam tal-pannelli fotovoltajċi u l-liquid crystal displays (LCDs). Barra minn hekk, il-kumpanija Tajwaniża għandha netwerk loġistiku b’saħħtu ferm fl-Ażja li għandu jnaqqas drastikament l-ispejjeż operattivi ta’ Sharp.
Sharp ħabbret ukoll li se tkun qed tnaqqas mijiet ta’ impjiegi kif ukoll irtirat mis-suq televiżiv tal-Amerika ta’ Fuq. Dan għandu jippermetti li tirreġistra profitt operattiv ta’ madwar 25 biljun Yen Ġappuniż, minkejja tnaqqis ta’ madwar 19% fid-dħul tal-kumpanija.
Mal-ħruġ tal-aħbar, l-ishma ta’ Sharp żdiedu b’aktar minn 5%, biex issa rduppjaw fil-valur tagħhom fis-sitt xhur mill-akkwist tal-kumpanija minn Foxconn.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment