Il-prezz taż-żejt niżel b’75% minn dak reġistrat fil-leġislatura li għaddiet – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-prezz taż-żejt waqa b’75% mal-ogħla livelli, ta’ aktar minn 140 dollaru l-barmil, li kienu reġistrati matul il-leġislatura li għaddiet.
Fi stqarrija l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco u Marthese Portelli qalu li tul l-aħħar ġimgħat, il-prezz taż-żejt kompla nieżel drastikament, anke sa 35 dollaru l-barmil, l-aktar livell baxx għal aktar minn 7 snin.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa riżultat ta’ diversi fatturi ġeo-politiċi, fosthom it-tneħħija tal-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni mill-OPEC, it-tneħħija ta’ sanzjonijiet fuq l-Iran kif ukoll kundizzjonijiet klimatiċi tajbin li naqsu d-domanda għall-enerġija.
Dan ifisser li qed iwassal biex konsumaturi u sidien ta’ negozju madwar l-Ewropa jgawdu minn roħs sostanzjali fuq il-prezz tal-petrol u d-diesel.
Il-PN qal li konsumaturi f’pajjiżi bħal Ċipru, l-Ungerija, Franza  raw roħs ta’ kważi 30 ċenteżmu fl-aħħar 12-il xahar.
"Mhux l-istess jgħodd għall-konsumaturi u sidien ta’ negozji Maltin u Għawdxin", ttemm tgħid l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex ma jkomplix għaddej b’dan is-serq u jagħti dak li hu mistħoqq lill-familji u negozji Maltin.