Il-prezz taż-żejt mill-Istati Uniti jinżel għal anqas minn $0 għal kull barmil

Read in English.

Il-prezz taż-żejt tal-Istati Uniti rreġistra rekord meta dan niżel għal $0 għal kull barmil, hekk kif is-suq għadu qed jirreġistra telf minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali qed jirrapportaw li l-istokks globali huma mħallta hekk kif l-investituri qed iħejju ruħhom biex aktar kumpaniji jiżvelaw kemm fil-fatt qed tiswihom din il-kriżi.

Il-livell taż-żejt tal-Istati Uniti kien l-agħar irreġistrat minn meta l-NYMEX fetaħ il-kummerċ tal-futures taż-żejt fl-1983. Il-waqa’ ta’ nhar it-Tnejn ġrat minħabba li l-ġimgħa l-oħra l-prezzijiet niżlu għall-anqas prezz fi 18-il sena.

Hekk kif id-dinja kollha adottat diversi miżuri ta’ lockdown, biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-pandemija, id-domanda għaż-żejt spiċċat fix-xejn. B’konsegwenza ta’ dan, id-ditti taż-żejt qed ikollhom jikru tankers biex jaħżnu l-provvista żejda, u dan wassal biex il-prezz taż-żejt tal-Istati Uniti jinżel f’livell negattiv għall-ewwel darba fl-istorja.