Il-prezz tal-impunità għoli wisq – Fenech Adami

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-istess impunità li wasslet għat-tkissir tad-dar tal-familja tiegħu, il-każini Nazzjonalisti fil-Belt, il-Furjana u Birkirkara kif ukoll il-ħruq tal-istamperija tat-Times 40 sena ilu, reġgħet feġġet sentejn ilu u permezz tagħha inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament fil-Parlament, huwa qal li l-poplu Malti ma għandux jinsa minn fejn telaq 40 sena ilu fl-inċidenti tal-15 ta’ Ottubru 1979 fejn nies protetti tterrorizzaw pajjiż. Huwa qal l-impunità għandha prezz li reġa’ tħallas meta nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li l-15 ta’ Ottubru ta’ 40 sena ilu kien t-turning point tal-pajjiż li biddel ir-rotta waqt li l-assassinju ta’ Daphne kienet turning point oħra li mill-ħażin morna għall-agħar għax ħadd ma kien qed jobsor li kien hemm min ħassu komdu li jikkummissjona l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fenech Adami appella biex kulħadd jieqaf u jipprotesta biex ma jerġax jitħallas prezz ieħor għoli għall-impunità.