“Il-prezz tal-fuel ta’ detriment għall-konsumatur Malti”

L-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur sostniet li hawn prattiċi inġusti ta’ kompetittività fil-bejgħ tal-fuel u dan huwa ta’ detriment għall-konsumaturi.
Tgħid li l-prezzijiet tal-fuel għandhom jitraħħsu b’mod li jirrifletti l-prezzijiet tal-maġġoranza  tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk internazzjonali.
Qalet li b’dawn il-prezzijiet, minkejja t-traħħis riċenti ta’ 4 ċenteżmi, Malta xorta għandha r-raba’ l-aktar prezz għoli ta’ fuel fl-Ewropa.
L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li l-interess tal-konsumaturi għandu jiġi l-ewwel filwaqt li jridu jingħelbu l-problemi li qed jifnu s-settur ta’ l-enerġija.
Qalet li dan huwa dovut l-aktar minħabba nuqqas ta’ ppjanar fit-tul, flimkien ma’ nuqqas ta’ trasparenza u sostenibbiltà’ finanzjarja.
L-Assoċjazzjoni sostniet li dan kollu jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn il-Gvern ma jkunx jista’ jibqa’ jiggarantixxi aktar il-kompetittività ta’  Malta f’dan is-settur.
Tisħaq ukoll dwar aktar inċentivi għall-użu ta’ enerġija alternattiva.