​Il-prezz tad-deheb jerġa’ jgħolli rasu

Id-deheb jista’ jlaħħaq l-ogħla livell fl-aħħar erba’ snin jekk jippersisti t-tnaqqis fil-valur tad-dollaru. Dan hekk kif bosta osservaturi tas-suq qed jinnutaw interess qawwi fid-deheb, li żdied b’10% fl-aħħar ħames ġimgħat. Dan seħħ primarjament wara li d-dollaru tilef fil-valur kontra l-muniti ewlenin u investituri fittxew protezzjoni minn kollass potenzjali fl-ishma u minħabba inflazzjoni li qed terġa’ tgħolli rasha.
Investituri finanzjarji fl-Istati Uniti rduppjaw l-investiment tagħhom fid-deheb fl-aħħar xahar.
Skont Stephen Innes, mill-kumpanija ta’ invesitment Oaanda Corp, hu possibbli li fix-xahar li ġejjin, il-prezz tad-deheb ilaħħaq livell ta’ 1,400 dollaru kull uqija.  Fil-preżent jinsab fil-livell ta’ 1,366 dollaru, l-ogħla livell minn Awwissu tal-2016.
It-tnaqqis fil-valur tad-dollaru seħħ frott stennija li banek ċentrali oħra, fosthom il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank tal-Ġappun jinsabu qrib li jwaqqfu jew jillimitaw il-miżuri ta’ stimulu ekonomiku. Dan qed iwassal biex id-djugħfija tad-dollaru issir aktar strutturali u mtawla.
Anke l-kumpanija MineLife Pty qed tindika li sal-aħħar ta’ din is-sena d-deheb għandu jlaħħaq l-1,400 kull uqija. Żidiet sostanzjali, iżda mhux fil-livelli tad-deheb, ġew irrappurtati wkoll għall-fidda u l-platinu, li jinsabu fl-ogħla livell għal dawn l-aħħar erba’ u għaxar xhur rispettivament.
Novartis tixtri terapija kontra t-telf tal-vista

Spark, kumpanija tal-farmaċewtika bbażata f’Philadelphia, ħabbret li se tkib qed tbiegħ il-liċenzja għal terapija innovativa fuq mard tal-għajnejn li jikkawża t-telf tal-viżta lil Novartis. Dan filwaqt li se żżomm id-drittijiet għall-bejgħ tat-terapija magħrufa bħala Luxturna fl-Istati Uniti.
Hu mifhum li dan it-trattament ta’ darba, li ġie approvat riċenti mir-regolaturi Amerikani se jiswa mat-850,000 dollaru. Novartis se tħallas 105 miljun fl-immedjat u mal-65 miljunfuq pagamenti regolari skont kemm iddum ma toħroġ l-approvazzjoni regolatorja fl-Ewropa u jibda l-bejgħ f’uħud mis-swieq.
Spark qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun qed isir l-aqwa użu mill-esperjenza kbira ta’ Novartis fil-kura tal-għajnejn u fl-impenn tagħha biex tikkumerċjalizza l-mediċini bbażati fuq il-ġenetika. Min-naħa tagħha, Spark imbagħad fi ħsiebha tiffoka fuq is-suq ta’ Amerikana fit-trattament tal-mard tar-retina tal-għajnejn, li jaffettwa madwar 1,000 u 2,000 persuna fl-Istati Uniti.
Is-sena li għaddiet, Novartis kisbet l-approvazzjoni għal tip ġdid ta’ terapija ġenetika li tikkura l-lukimja.
L-ishma ta’ Spark telgħu b’3% wara ftit sigħat mill-ħruġ ta’ din l-aħbar. Madankollu, fl-aħħar xahrejn huma kienu tilfu mal-25% minn Diċembru wara riżultati diżappuntanti minn sperimentazzjoni ta’ terapija għall-emofilja A.
Fiat Chrysler tirdoppja l-profitt

Il-kumpanija Fiat Chrysler Automobiles NV irduppjat il-profitt tagħha fis-sena 2017.Il-manifattur tal-Karozzi qal li l-profitt kiber b’93% mis-sena ta’ qabel minn kważi 3.5 biljun ewro għal 7 biljun ewro.
Il-kumpanija Italo-Amerikana qalet li dan kien prinċiparjament grazzi għal bejgħ ferm akbar ta’ SUVs (il-Jeep) u trakkijiet, li patta għat-tnaqqis tal-bejgħ fl-Istati Uniti bi kważi 8%. Il-kumpanija rreġistrat ukoll żieda fil-bejgħ ta’ karozzi lussuzi Maserati.
Esperti tas-suq qed iħarsu lejn l-2018 ta’ din il-kumpanija bħala wieħed pożittiv ukoll hekk kif ir-reviews inizjali tar-Ram 1500 u Jeep Wrangler kienu mill-aktar pożittivi. Madankollu, is-sena mistennija tkun waħda ta’ sfidi kbar hekk kif f’Jannar, l-industrija tal-bejgħ tal-karozzi qed tistenna tnaqqis fil-bejgħ ta’ 1.8%. Filfatt, f’Jannar Fiat Chrysler biegħet ftit aktar minn 2 miljun karozza u trakk, kważi 2% inqas mis-sena li għaddiet.
Fiat Chrysler qalet li d-dejn industrijali nett tagħha żdied b’179 miljun ewro, li hija attribwiet għal effetti negattivi dovuti għaċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju.
L-ishma ta’ Fiat għalqu fil-livell ta’ $24.15, ftit ogħla mil-livell preċedenti għall-pubblikazzjoni tar-riżultati finanzjarji.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.