Il-prezz għall-fast ferry għoli – studenti Għawdxin

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) esprima s-sodisfazzjon għall-aħbar li l-Gozo Channel qed ifittex kumpanija sabiex jibda l-fast ferry service li jitlaq mill-Port tal-Imġarr għall-Port il-Kbir, madanakollu jgħid li se jiswa t-triplu tas-Servizz tal-Gozo Channel.
Fi stqarrija, l-grupp spjega kif il-passiġġiera Għawdxin bħalissa jħallsu €1.15 għall-vjaġġ tal-Gozo Channel u wara bosta studenti jkollhom jaqbdu tal-linja, ġita li tiġi tiswa total ta’ €2.
Kompla jgħid kif is-servizz tal-fast ferry se jiġi jiswa €6, it-triplu ta’ dak li l-istudenti jħallsu issa, dan ma jinkludix il-prezz li jkollhom iħallsu sabiex jaqbdu tal-linja għall-Università.
Minkejja li l-GUG saħaq li ilu favur dan il-proġett għal żmien twil, jemmen li għad hemm ħafna xi jsir sabiex l-istudenti Għawdxin ikollhom servizz aħjar, u jissuġġerixxu li jiġi ntrodott vapur ieħor mat-tlieta li diġa joperaw mal-Gozo Channel.