“Il-preżenza tal-omm tisboq kollox u lil kulħadd” – l-Isqof Mario Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-preżenza tal-omm tisboq kollox u lil kulħadd.

Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, fl-Ittra Pastorali bl-isem “Nintelqu f’dirgħajn Ommna Marija” li qed tinqara fil-knejjes kollha ta’ Għawdex bejn is-Sibt u l-Ħadd, l-Isqof Grech qal li ma jsibx kliem biex ifisser min hi l-omm. Dan filwaqt li qal li l-missier għandu r-rwol tiegħu fil-ħajja tal-ulied, imma l-preżenza tal-omm tisboq kollox u lil kulħadd.

Għandna djun kbar lejn ommijietna

Mons Grech qal li bħala bnedmin għandna djun kbar lejn ommijietna. Fisser kif hija l-omm li meta nitnisslu tilqa’ ħajja ġdida fi ħdanha, u minn dak il-waqt ħajjitha ssir stennija kontinwa, l-ewwel biex nitwieldu u imbagħad tibqa’ dejjem wara l-bieb tad-dar tistenniena ninġabru.

L-Isqof ta’ Għawdex ikkwota lill-Papa Franġisku meta jgħid li l-preżenza tal-omm hija mediċina kontra t-tendenzi egoistiċi tagħna li jagħlquna fina nfusna. Fisser kif l-omm hija dik li taf tixgħel il-fjamma tat-tama fil-qalb kollha dlamijiet u b’hekk tkun sors ta’ tisħiħ għas-soċjetà.

Appell għas-Sena Marjana f’Għid il-Ħamsin

Għas-sena Marjana ċċelebrata fid-Djoċesi ta’ Għawdex matul din is-sena, l-Isqof Grech stieden lill-komunità Għawdxija biex f’nhar Għid il-Ħamsin jiltaqgħu fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu fejn isir l-Att ta’ Affidament tad-Djoċesi lill-Madonna.

Appella wkoll li lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u lill-għaqdiet tal-lajċi, partikularment il-Leġjun ta’ Marija, biex bhi tħejjija għal dan il-jum ixerrdu aktar it-tagħlim ta’ San Lwiġi Marija Grignion de Montfort dwar il-konsagrazzjoni lil Ġesù minn idejn Marija.

Huwa appella wkoll lill-Insara kollha, anki lill-Komunitajiet Insara mhux Kattoliċi preżenti f’Għawdex, biex kemm individwalment u kemm bħala familji, gruppi, komunitajiet reliġjużi u parrokkjali, skejjel, klabbs, u l-bqija, jagħmlu b’mod solenni dan l-istess affidament.

Tista’ taqra l-Ittra Pastorali hawnhekk: