“Il-preżenza tal-immigranti irregolari hi grazzja għalina” – Isqof Mario Grech

Waqt l-aħħar omelija tiegħu f’Għajnsielem, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech wassal messaġġ ta’ solidarjetà  lill-immigranti irregolari f’Malta u l-mod ta’ kif jaħsbuha l-Maltin.

L-Isqof Grech qal li l-mewġa ta’ immigranti irregolari li kellna fl-aħħar ġimgħat u xhur, mhux biss ħolqot bżonnijiet materjali ġodda imma ġabet magħha ukoll xokk soċjali u kulturali.  Hu għalhekk, appella l-Isqof, li hemm bżonn ta’ aktar riflessjoni matura dwar kif irridu ngħixu bil-galbu dan il-mument storiku.

Semma x-xogħol siewi li l-Knisja tagħmel mal-immigranti permezz tal-Kummissjoni Emigranti kif ukoll iċ-Ċentru tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati (JRS).  Minkejja dan, sostna li l-Knisja fadlilha ħafna biex tadotta ħidma pastorali mal-immigranti kif ukoll biex tkompli teduka lill-poplu Malti

Mons. Grech saħaq li ħafna mill-insara għadhom ma ntebħux li l-presenża tal-immigranti irregolari tista’ tkun mument ta’ grazzja.  Sejjaħ l-immigrazzjoni irregolari bħala “sfida u opportunità”, mhux biss għall-Maltin imma għall-Ewropa kollha.

Enfasizza li għalhekk għandna bżonn ta’ politika Ewropea serja ta’ kif ser nilqgħu lill-barranin.

Kompla jgħid li hu fatt li l-attenzjoni tal-insara lejn dawn l-immigranti irregolari għadha tkun imbuttata kemm minn motivi umanitarji kif ukoll minn raġunijiet mill-Kelma ta' Alla.

Żied billi semma’ kif il-“Poplu ta’ Alla” hu miżgħud b’esperjenzi ta’ immigrazzjoni u deportazzjoni.  Beda billi semma’ lill-Abraham, li kien jiġri minn post għall-ieħor; u mbagħad niżel fl-Eġittu u għammar hemm u kompla biż-żewġ esperjenzi ta’ eżilju fl-Eġittu u fil-Babilonja.

Fid-dawl ta’ dan, Mons. Grech appella wkoll biex il-Maltin u Għawdxin joffri iktar ospitalità lil barrani li hu fil-bżonn u kif il-Fidi tgħin dwar kif inġibu ruħna mal-immigranti.

L-Isqof qal li proprju din il-ġimgħa saret l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni djoċesana f’Għawdex bil-għan li tkompli tgħin is-sehem tal-Knisja fl-immigrazzjoni irregolari.