Il-prestazzjoni ta’ HSBC Malta ​milquta minn kundizzjonijiet tas-suq diffiċli

Read in English.

Riżultati ta’ nofs is-sena 2020 – Punti ewlenin

L-impatt ekonomiku tal-pandemija Covid-19 kien ir-raġuni ewlenija tal-bidla fir-rendiment finanzjarju tagħna fl-ewwel nofs tal-2020. Iż-żieda fit-Telf Mistenni mill-Kreditu (ECL) kkontribwiet għal tnaqqis materjali fil-qligħ irrappurtat qabel it-taxxa meta mqabbel mal-istess perjodu is-sena l-oħra, flimkien mat-taqlib tas-suq li impatta n-negozju tal-Assikurazzjoni tagħna.

Prestazzjoni finanzjarja (vs 1H19)

  • Il-qligħ qabel it-taxxa niżel b’€19.1m għal €1.8m minħabba li l-ECL kien aktar għoli u d-dħul kien aktar baxx. Dan jirrifletti l-impatt tal-Covid-19.
  • Dħul ta’ 16% inqas dovut l-aktar għal telf fir-rivalutazzjoni fi ħdan is-sussidjarja ta’ l-Assikurazzjoni fuq il-Ħajja (‘HSBC Life Assurance (Malta) Limited’) bħala riżultat ta’ ċaqliq negattiv fis-suq (il-prezzijiet tal-ishma u r-rati tal-imgħax). Jekk neskludu s-sussidjarja ta’ l-Assigurazzjoni, id-dħul naqas b’1%.
  • L-ECL żdied b’€9.7m għal €8.7m minħabba l-impatt tal-Covid-19. Fl-2019 ibbenefikajna minn numru ta’ rilaxxi fl-ewwel nofs tas-sena.
  • L-ispejjeż huma 5% inqas mill-istess perjodu fl-2019 u b’hekk jirriflettu progress qawwi fl-istrateġija mħabbra fl-2019.
  • Matul l-ewwel sitt xhur, is-self żdied b’€32 miljun (1%) u d-depożiti kibru b’€168m (3%).
  • Qligħ attribwibbli lill-azzjonisti ta’ €1.2m għas-sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2020, u b’hekk irriżulta fi qligħ għal kull sehem ta’ 0.3 ċenteżmi meta mqabbel ma’ 3.8 ċenteżmi fl-istess perjodu fl-2019.
  • Il-Kapital tal-ewwel saff (CET1) kien ta’ 16.6% fit-30 ta’ Ġunju 2020, ‘il fuq minn 16.4% fl-aħħar tal-2019 u ferm ogħla mir-rekwiżiti regolatorji.
  • Ir-Rendiment fuq l-ekwità għas-sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2020 kien ta’ 0.5% meta mqabbel ma’ 5.8% għall-istess perjodu fl-2019.
  • F’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li l-banek taż-Żona Euro m’għandhomx jagħmlu pagamenti ta’ dividendi f’dan il-perjodu, irrispettivament mis-saħħa tal-kapital, l-ebda dividend interim mhu qed jiġi ddikjarat.

Il-prestazzjoni finanzjarja: Kummentarju

Il-qligħ qabel it-taxxa għas-sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2020 kien ta’ €1.8m, tnaqqis ta’ €19.1m mill-istess perjodu fl-2019. It-tnaqqis jirrifletti l-impatt tal-Covid-19 b’mod speċifiku:

  • Is-sussidjarja tal-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja rrappurtat telf ta’ €8.9m, €11.3 miljun inqas mil-profitt irrappurtat fl-ewwel nofs tal-2019. It-telf kien dovut prinċipalment għal telf fir-rivalutazzjoni bħala riżultat ta’ movimenti avversi fis-suq (il-prezzijiet tal-ishma u r-rati ta’ l-imgħax) u inqas attivitajiet kummerċjali bħala riżultat ta’ Covid-19.
  • Telf mistenni mill-kreditu (‘ECL’) żdied b’€9.7m għal €8.7m.

Id-dħul nett mill-imgħax (‘NII’) kien fil-biċċa l-kbira stabbli, €53.5m meta mqabbel ma’ €53.6m fl-istess perjodu fl-2019 kkawżat mill-effetti ta’ tnaqqis fir-rati tal-imgħax li sar f’Settembru 2019 (EUR) u Marzu 2020 (USD & GBP), flimkien ma’ tnaqqis ulterjuri fir-rendiment medju fuq il-ktieb tal-investiment li jikkumpensaw iż-żieda fl-NII bħala riżultat tat-tkabbir fis-self personali u imgħax aktar baxx imħallas fuq id-depożiti tal-klijenti.

Dħul mhux mill-imgħax (miżati u kummissjonijiet u dħul mill-kummerċ) naqas b’€0.7 miljun b’rendiment qawwi ta’ miżati fi ħdan is-servizzi bankarji kummerċjali (commercial banking) bħala riżultat ta’ miżati ġodda.  Kontra dan id-dħul, kien hemm tnaqqis fid-dħul mill-miżati  tal-kards, ħlasijiet, assigurazzjoni u faċilitajiet ta’ kreditu minħabba Covid-19.

L-ispejjeż tal-operat naqsu b’5% għal €51.1m meta mqabbla ma’ €53.6m fl-istess perjodu fl-2019. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-bank hekk kif imħabbra fl-2019 u t-tkomplija ta’ ffokar fuq l-immanigjar tal-ispejjeż.

Fiż-żmien preżenti, il-bank ra xi żidiet mhux materjali f’telf ta’ kreditu speċifiku fis-settur bankarju personali u kummerċjali. Dan jirrifletti l-benefiċċji ta’ miżuri ta’ appoġġ introdotti mill-gvern, il-linji gwida tar-regolaturi u l-kultura konservattiva tar-riskju tal-bank. Madankollu, l-ECL żdied b’€ 9.7m għal €8.7m għas-sitt xhur li ntemmu f’Ġunju 2020 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 billi nkorporajna ir-riżultati ta’ probabbiltà ta’ xenarji ekonomiċi differenti fuq livell tal-portafoll li jieħu inkonsiderazzjoni l-impatt mistenni ta’ Covid-19. Fl-ewwel nofs tal-2019, ibbenefikajna minn numru ta’ rilaxxi. Fl-2020 aħna wkoll ibbenefikajna minn rilaxx minħabba bidla fil-metodoloġija u numru ta’ rkupri oħra, iżda dawn ma ikkumpensawx l-impatt negattiv tal-Covid-19.

HSBC Life Assurance (Malta) Limited irrappurtat telf ta’ €8.9m, €11.3m inqas mill-qligħ irrappurtat fl-ewwel nofs tal-2019. Il-prestazzjoni tal-kumpanija tal-Assigurazzjoni kien dovut għal telf  fir-rivalutazzjoni bħala riżultat taċ-ċaqliq negattiv fis-suq (il-prezzijiet tal-ishma u r-rati tal-imgħax), aġġustamenti attwarji u tnaqqis f’attivitajiet kummerċjali bħala riżultat tal-Covid-19. Dħul nett minn assi u obbligi t’assigurazzjoni, imkejjel bil-valur ġust permezz ta’ qligħ jew telf, naqas b’€65 miljun għal €30 miljun f’telf minħabba l-prestazzjoni negattiva fis-suq tal-ekwità fl-ewwel sitt xhur tal-2020, li rriżulta f’telf ta’ rivalutazzjoni fuq l-ekwità u l-unit trust assets li jappoġġjaw kuntratti t’assigurazzjoni u investiment. Dan il-moviment avvers kien ikkumpensat materjalment minn moviment pożittiv korrispondenti ta’ €62 miljun f’talbiet tal-assigurazzjoni netti,  benefiċċji mħallsa u ċaqliq fl-obbligazzjonijiet lejn id-detenturi tal-poloz, li jirrifletti sa liema punt it-titolari tal-poloz jipparteċipaw fil-prestazzjoni tal-investiment tal-portafoll tal-assi assoċjati.

Ir-rata effettiva ta’ taxxa hija ta’ 35% konformi mal-2019. Dan jissarraf fi spiża ta’ taxxa ta’ €0.6m.

Pożizzjoni finanzjarja u kapital

Self u avvanzi netti lill-klijenti kienu ta’ €3,290 miljun, €32 miljun jew 1% ogħla mill-bilanċi  fil-31 ta’ Diċembru 2019 bi tkabbir qawwi fis-self kummerċjali u stabbiltà fis-self personali fejn it-tkabbir fil-bilanċi ta din is-sezzjoni matul l-ewwel xahrejn tal-2020 intilef wara Marzu minħabba l-Covid-19.

Il-portafoll ta’ investiment tal-bank naqas b’€9 miljuni għal €935 miljun u kien magħmul minn titoli b’valur għoli u kompla jkun pożizzjonat b’mod konservattiv bl-inqas grad ta’ investiment ta’ A-.

Il-kontijiet tal-klijenti kienu €5,145m fit-30 ta’ Ġunju 2020, €168m jew 3% ogħla mil-bilanċi fill-31 ta’ Diċembru 2019.  Dan it-tkabbir hu relatat ma’ depożiti personali li għamlu tajjeb għat-tnaqqis marġinali fid-depożiti kummerċjali. Il-bank għandu proporzjon b’saħħtu ta’ avvanzi għal depożiti ta’ 64% u l-livelli tal-likwidità tiegħu kienu jaqbżu sew il-rekwiżiti regolatorji.

Il-Kapital tal-ewwel saff tal-bank kien 16.6% fit-30 ta ‘Ġunju 2020, meta mqabbel ma’ 16.4% fl-aħħar tal-2019 u huwa ogħla mir-rekwiżiti regolatorji. Ir-relazzjoni tal-kapital totali żdiedet għal 19.3% meta mqabbla ma’ 19.0% fil-31 ta’ Diċembru 2019.

Skond ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li l-banek taż-Żona tal-Euro m’għandhomx jagħmlu ħlasijiet ta’ dividendi f’dan il-perjodu, irrispettivament mis-saħħa tal-kapital, mhu qed jiġi iddikjarat l-ebda dividend interim.

Simon Vaughan Johnson, Direttur u Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, qal:

“L-ewwel sitt xhur tal-2020 kienu fl-istess waqt ta’ sfida u ta’ trasformazzjoni. Minħabba l-pandemija Covid-19, l-ekonomija battiet sew u xi setturi kważi waqfu għal kollox. Dan kien ifisser żewġ affarijiet għall-bank. L-ewwel li l-prestazzjoni finanzjarja tal-bank inevitabbilment sofriet b’konformità mal-kumplament tal-ekonomija. Iżda t-tieni, li l-miżura vera tal-prestazzjoni tagħna saret is-suċċess tagħna fl-appoġġ lill-klijenti tagħna, il-kollegi u l-kommunità waqt il-kriżi, u fit-tfassil tal-bażi ta’ rkupru u għat-tkabbir futur tagħna f’Malta.

Fi żminijiet diffiċli, l-għan tal-bank dejjem kien li jappoġġja l-komunitajiet tagħna, jipprovdi stabbiltà u jgħin fil-bini mill-ġdid tat-tkabbir ekonomiku. Jiena kburi bil-mod kif in-nies tagħna ħadmu għal dan il-għan waqt il-pandemija Covid-19.

Dan tfassal fuq tliet prinċipji: l-iżgurar ta’ servizz kontinwu għal dawk kollha li jiddependu fuqna; li nipprovdu pont finanzjarju għall-klijenti personali u kummerċjali tagħna lil hinn mill-kriżi u li l-bank ikun f’pożizzjoni b’saħħitha biex jgħin lill-klijenti tagħna jirnexxu ladarba r-restrizzjonijiet jibdew jittaffew.

Aħna żammejna livell għoli ta’ kontinwità tan-negozju u issa ‘l fuq minn 80% tal-kollegi huma mgħammra biex jaħdmu mis-sigurta’ tad-dar tagħhom, jekk ikun hemm bżonn. Żammejna preżenza permezz ta’ netwerk ta’ fergħat matul il-perjodu Covid-19. Żammejna wkoll livelli b’saħħithom ta’ kapital u likwidità.

Il-bank nieda serje ta’ inizjattivi proattivi ffokati fuq il-klijent mill-bidu tal-pandemija Covid-19, li jinkludu vaganzi fuq ħlas lura tal-kapital, faċilitajiet ta’ kapital temporanji bla ħlas għal żmien qasir u appoġġ għall-finanzi kummerċjali. F’Mejju, il-bank ikkonferma wkoll il-parteċipazzjoni tiegħu fl-Iskema ta’ Garanzija Covid-19 tal-Malta Development Bank.

Matul dan kollu, il-benesseri tan-nies tagħna u tal-klijenti tagħna kien dejjem fuq quddiem fil- ħsibijiet tagħna. Aħna ħadna l-passi kollha meħtieġa biex il-kollegi tal-front-line tagħna iwettqu xogħolhom b’mod sikur u effettiv. Għall-kollegi kollha tagħna, żammejna fluss regolari ta’ komunikazzjoni u smajna b’attenzjoni l-bżonnijiet tagħhom, billi pprovdejna l-appoġġ u l-flessibilità biex ngħinuhom jimmaniġġjaw ħajjithom matul il-pandemija.

Dan kien wieħed mill-aktar perjodi diffiċli li nista niftakar għan-nies kollha tagħna u għall-klijenti wkoll. Ħafna kellhom jiffokaw fuq prijoritajiet personali u professjonali fl-istess ħin, filwaqt li adattaw ruħhom għal modi ta’ xogħol ġodda. Inħossni kburi bid-dedikazzjoni u l-impenn li wrew il-kollegi tiegħi f’ċirkostanzi iebsa, u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom sinċerament ta’ dak kollu li għamlu – u qed jagħmlu – għall-klijenti tagħna, għall-komunitajiet u għal xulxin.

Aħna ffokati fuq il-futur u fuq l-eżekuzzjoni b’suċċess ta’ l-istrateġija tagħna għal Tkabbir Sikur. Naħdmu biex niksbu tkabbir fid-dħul, hekk kif il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu, filwaqt li nżommu kultura b’saħħitha ta’ mmaniġjar tar-riskju, bla ebda aptit għal riskji tal-kriminalità finanzjarja.”

Dan it-tagħrif twassal minn HSBC Malta plc.