Il-pressjoni tal-Covid-19 fuq is-servizzi tas-saħħa twassal għal żieda fl-imwiet b’mard ieħor

Id-dinja bħalissa għaddejja minn burraxka hekk kif qed jiżdied l-għadd ta’ mard kroniku, mard infettiv persistenti, u nuqqasijiet fis-saħħa pubblika li żiedu l-għadd ta’ mwiet ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, skont studju globali ewlieni dwar is-saħħa tal-bniedem.

It-tifqiegħa u l-firxa tal-pandemija tal-coronavirus flimkien ma’ żieda globali kontinwa f’kundizzjonijiet kroniċi bħall-obeżità u d-dijabete – flimkien ma’ riskji ambjentali bħat-tniġġis tal-arja – komplew jaggravaw ir-rata ta’ mwiet tal-coronavirus, qal l-istudju.

L-istudju dwar il-Piż Globali tal-Mard (The Global Burden of Disease (GBD)) huwa l-aktar studju komprensiv tat-tip tiegħu. Ippublikat fil-ġurnal mediku The Lancet, dan analizza 286 kawża ta’ mwiet, 369 marda u ferimenti, u 87 fattur riskju f’204 pajjiż u territorji sabiex tinkiseb opinjoni dwar is-saħħa tal-popolazzjoni globali u l-impatt tal-COVID-19.

“Il-COVID-19 hija emerġenza tas-saħħa kronika akuta,” qal Richard Horton, il-kap editur ta’ The Lancet. Huwa ddeskriva l-pandemija tal-coronavirus flimkien mar-rati globali għoljin ta’ obeżità, dijabete u mard kroniku ieħor bħala “sindemija”.

L-istudju sab li l-kawżi ewlenin għall-problemi ta’ saħħa f’persuni li għandhom 50 sena jew aktar madwar id-dinja huma l-problemi tal-qalb, puplesija u dijabete. Għal persuni iżgħar, li għandhom bejn 10 snin u 49 sena, il-kawżi prinċipali huma l-inċidenti tat-traffiku, HIV/AIDS, uġigħ fid-dahar u kundizzjonijiet mentali bħal dipressjoni.

Irriżulta wkoll li hemm żieda fil-mard kroniku, li flimkien man-nuqqas tas-saħħa pubblika biex tindirizza fatturi ta’ riskju prevenibbli, huwa r-raġuni li ħafna popolazzjonijiet jinsabu vulnerabbli għal emerġenzi tas-saħħa bħall-pandemija tal-coronavirus.

“In-natura ‘sindemika’ ta’ din it-theddida li qed naffaċċjaw tfisser li mhux biss irridu nittrattaw kull inċidenza ta’ mard, imma rridu nindirizzaw ukoll b’mod urġenti n-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali eżistenti li għandha impatt fuqhom,” żied jgħid Horton.

Huwa qal li kundizzjonijiet kroniċi bħal pressjoni għolja, livell ta’ zokkor għoli, obeżità u livell ta’ kolesterol għoli li jsofru minnhom miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kellhom rwol kritiku fl-għadd attwali ta’ mwiet s’issa minħabba l-COVID-19, li issa tela’ għal aktar minn miljun persuna madwar id-dinja.

Dawn il-kundizzjonijiet – li huma aggravati minn dieta ħażina u livelli mhux adegwati ta’ eżerċizzju – “se jkomplu jkollhom impatt fuq is-saħħa f’kull pajjiż anke wara li tgħaddi din il-pandemija,” temm jgħid.