Il-Presidenza l-ġdida se tkun aktar viċin in-nisa

Is-Surġent responsabbli fit-tim tas-sigurtà l-ġdid taħt il-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca, se tkun mara.
Dan tħabbar mill-President nominat Coleiro Preca waqt laqgħa pubblika mtella minn-Nisa Laburisti.
Coleiro Preca qalet ukoll li se jkun hemm mara għal kull raġel li se jkun qed jaħdem fl-uffiċċju tal-President, dan sabiex tassigura l-involviment tal-mara fis-soċjetà Maltija.
Waqt l-laqgħa bit-tema ‘It-tieni President tar-Republika Mara f’35 sena’, diversi kelliema qasmu l-esperjenzi personali li kellhom mal-President emeritus Agata Barbara.
Agata Barbara kienet l-ewwel mara fl-istorja ta’ Malta li ġiet eletta fil-Parlament, u kienet l-ewwel mara li kienet titħallas daqs l-bqija tal-membri parlamentari rġiel.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-irwol tal-mara fis-soċjetà u l-faqar f’Malta.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-istorja turina li l-mara minn dejjem kellha post fil-qasam tax-xogħol.
Madanakollu mhux l-istess jista’ jingħad fuq l-irwol tan-nisa fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Hi stqarret li kellha tinbidel matul il-karriera politika tagħha biex taddatta mal-irġiel u mhux bil-kontra.