Il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali msejħa f’Ruma

Il-Papa jmexxi waħda mil-laqgħat tal-Kunsill tal-Kardinali

Fid-dawl tal-iskandlu tal-abbużi sesswali li għamel ħsara lill-Knisja u lill-Pontifikat tiegħu, il-Papa Franġisku sejjaħ lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali tad-dinja kollha biex imorru Ruma għal laqgħa speċjali dwar din il-kriżi.

Il-laqgħa se tiffoka fuq “il-protezzjoni tal-minuri” u mistennija ssir bejn il-21 u l-24 ta’ Frar li ġej, wara li l-Papa jirritorna mill-Panama fejn se jmur f’Jannar biex jattendi għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Il-Vatikan ħabbar dan fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill tal-Kardinali li saret bejn l-10 u t-12 ta’ dan ix-xahar li matulha l-Kardinali konsulenti tal-Papa ddiskutew l-imsemmija kriżi, il-kompożizzjoni ta’ dan il-grupp li hu magħmul minn disa’ kardinali kif ukoll r-reviżjoni tal-Kostituzzjoni Apostolika ġdida dwar il-Kurja Rumana.

Id-deċiżjoni tal-Papa li jsejjaħ din il-laqgħa biex tindirizza l-abbużi klerikali ġiet wara li hu nnifsu sarulu allegazzjonijiet li ma mexiex sew fil-każ tal-Kardinal Theodore McCarrick, wara li l-ex Ambaxxatur tal-Vatikan għall-Istati Uniti, l-Arċisqof Carlo Maria Vigano, ippubbklika stqarrija x-xahar li għadda fejn qal li hu kien wissa lill-Papa dwar il-fastidju li McCarrick kien jagħti lis-seminaristi fl-2013 iżda l-Papa baqa’ ma għamel xejn.

L-ittra li Vigano ppublika ftit wara li ħareġ ir-rapport tal-Grand Jury ta’ Pennsulvania, fejn ngħataw dettalji dwar snin ta’ abbużi klerikali u ħabi fit-tmien djoċesijiet tal-imsemmi stat, qajjmet diskussjoni sħiħa b’ħafna jitolbu lill-Vatikan jiftaħ l-arkivji tiegħu biex isir magħruf min kien jaf u x’kien jaf dwar McCarrick u kif dan irnexxielu jkompli jogħla fil-ġerarkija ekklesjastika, minkejja li l-kondotta ħażina tiegħu kienet sigriet miftuħ għal ħafna snin.

Matul il-laqgħa tagħhom il-Kunsill tal-Kardinali magħruf bħala “CP”, mill-ġdid esprima solidarjetà mal-Papa Franġisku għal dak li kellu jiffaċċja f’dawn l-aħħar ġimgħat u ferħulu għall-aħħar vjaġġ tiegħu fl-Irlanda għal-Laqgħa Dinjija tal-Familji.

Il-membri kollha tal-Kunsill kienu preżenti ħlief il-Kardinal George Pell li qed jiffaċċja akkużi ta’ abbuż sesswali fl-Awstralja, il-Kardinal Laurent Monsengwo ta’ Kinshasa u l-Kardinal Francisco Errazuris li ddeċieda li ma jattendix fl-aħħar mumenti minħabba ċirkostanzi mhux previsti fiċ-Ċile, pajjiżu.

Il-Papa Franġisku nnifsu attenda kważi s-sessjonijiet kollha ħlief għal udjenza li kellu mal-Kardinal Beniamino Stella, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru u għal laqgħa ‘ad limina’ mal-Isqfijiet tal-Venezuela.

Il-membri tas-C9 fi stqarrija li ħarġu nhar it-Tnejn talbu lill-Papa biex jirrifletti dwar il-kompożizzjoni tal-grupp tagħhom billi l-mandat tagħhom dalwaqt jasal fi tmiemu.

Filwaqt li ħafna jsostnu li din tista’ tkun opportunità biex il-Papa jibdel żewġ membri, il-Kardinal Pell u l-Pardinal Errazuriz li huma mplikati fi skandli, trid tkun kunsidrata wkoll l-età tal-membri li issa kważi kollha għalqu t-80 sena.