Il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali Ewropej se jiltaqgħu fil-Polonja

Il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali Ewropej se jiltaqgħu f’Poznan, fil-Polonja bejn it-12 u s-16 ta’ dan ix-xahar. L-Arċisqof Stanislaw Gadecki, President tal-Konferenza Episkopali Pollakka f’isem l-Isqfijiet sħabu, stieden lill-kollegi Ewropej biex jiltaqgħu fid-djoċesi tiegħu.

It-temi ewlenin tal-Konferenza se jkunu “Is-Solidarjetà u l-Volontarjat.” L-Isqfijiet mistennija jfakkru l-istorja tal-Polonja meta l-Moviment Solidarnosc, għen biex jitwarrab il-Komuniżmu mill-Ewropa.  Il-parteċipanti fil-Konferenza se jiddiskutu wkoll ix-xogħol volontarju taż-żgħażagħ u l-adulti bħala impenn evanġeliku fil-ħajja tal-Knisja u s-Soċjetà li tgħaqqad l-Ewropa.

“Iċ-ċirkostanzi li wassluni biex nistieden lil dan il-korp ta’ Isqfijiet għal din il-laqgħa hi l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna. Din is-sena nfakkru l-1050 anniversarju tad-djoċesi ta’ Poznan li kienet l-ewwel djoċesi fil-Polonja u l-100 anniversarju minn meta l-Polonja reġgħet ħadet l-indipendenza. Dan l-avveniment uniku – li l-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej jiltaqa’ f’Poznan –  se jkun avveniment straordinarju li jfakkar dawn iż-żewġ anniversarji,” qal l-Arċisqof Gadecki.

Fil-laqgħa, fost l-oħrajn, se jieħdu sehem il-Kardinal Angelo Bagnasco ta’ Genoa li hu President tal-Konferenza Episkopali tal-Italja; il-Kardinal Vincent Nicholas, Arċisqof ta’ Westminster u diversi Presidenti ta’ Konferenzi Episkopali Ewropej. Il-Kardinal Marc Ouellet, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet tal-Vatikan u l-Arċisqof Salvatore Pennacchio, Nunzju Appostoliku fil-Polonja wkoll mistennija jattendu.

Il-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej kien twaqqaf fl-1971. Kull Konferenza Episkopali hi rappreżentata mill-President tagħha f’dan il-Kunsill. Xogħol il-Kunsill hu li jikkoordina l-kooperazzjoni tal-Knejjes lokali tal-Ewropa.