Il-President Vella propost ikun il-Patrun taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Commonwealth f’Malta

DOI: Clifton Fenech

Waqt laqgħa li s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland kellha mal-President ta’ Malta George Vella, hija pproponiet li Vella għandu jkun il-Patrun taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth f’Malta.

Il-Barunessa Scotland faħħret l-impenn li dejjem wera l-President Vella fl-ambitu tal-Commonwealth meta kien ministru għall-affarijiet barranin u qalet li bħala president konvinta li huwa se jkompli jimbotta kwistjonijiet importanti li jolqtu lill-pajjiżi tal-Commonwealth.

Min-naħa tiegħu, l-President qal li jikkunsidra din il-proposta biss wara li jkollu konsultazzjonijiet mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu qal li jħossu onorat li s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth qed tipproponieh għal dan ir-rwol.

Minbarra din il-laqgħa, l-President u s-Sinjura Vella bħalissa qegħdin Londra biex jiltaqgħu mal-pazjenti Maltin li qed jingħataw kura fid-diversi sptarijiet fil-kapitali Ingliża. Se jkunu qed jiltaqgħu wkoll mal-qraba tal-pazjenti li bħalissa qed jiġu megħjuna mill-Malta Community Chest Fund Foundation.