Il-President Vella jmexxi delegazzjoni għall-Vatikan u l-Italja

Luke Zerafa

Il-President George Vella jżomm mat-tradizzjoni tal-predeċessuri tiegħu, b’wieħed mill-ewwel appuntamenti tiegħu barra l-pajjiż ikun laqgħa mal-Papa.

Il-President u s-sinjura Vella ħallew Malta fuq żjara ta’ erbat ijiem fejn se jżuru l-Vatikan u l-Italja.

Matul din iż-żjara, il-President George Vella u d-delegazzjoni tiegħu se jiltaqgħu mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’udjenza privata għada t-Tnejn.

Fil-Vatikan, il-President Vella u d-delegazzjoni tiegħu, li tinkludi lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, se jkollhom ukoll laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Pietro Parolin.

L-għada, l-President George Vella se jkun qed jiltaqa’ mal-President tar-Repubblika Taljana Sergio Mattarella fil-Palazz Quirinale f’Ruma, fejn se jkunu qed jiddiskutu diversi temi attwali.

Impenji uffiċjali oħra li mistenni jipparteċipa fihom il-President flimkien mas-Sinjura Vella jinkludu ċelebrazzjoni tal-Indipendenza ta’ Malta, fejn il-President se jkun qed jindirizza l-mistednin distinti.

Matul din iż-żjara, u fl-assenza tal-President Vella minn Malta, Dolores Cristina se tkun qed sservi fil-kariga ta’ Aġent President tar-Repubblika.