Il-President Użbek jipprova jrażżan l-infiq bla rażan fit-tiġijiet

Mhux aktar minn 250 mistieden, żewġ baned u massimu ta’ tliet karozzi lussużi huma r-regoli ġodda taż-żwieġ adottati mill-parlament tal-Użbekistan. Din id-deċiżjoni ttieħdet din il-ġimgħa f’tentattiv biex jitrażżnu l-infiq eċċessiv fuq it-tiġijiet.

Waqt li l-medja ta’ paga fix-xahar hi dik bejn €181 u €272, il-familji tal-għarus u l-għarusa hu stmat li jonfqu madwar €18,150 għal tieġ. Il-flus ta’ spiss jiġu mislufa minn xi qraba u ħbieb u jdumu ma jerġgħu jingħataw flushom lura. Iżda huma lesti li jagħmlu dan kollu minħabba t-tradizzjoni u pressjoni min-nies ta’ madwarhom.

Ħafna minnhom jispiċċaw imorru jaħdmu barra l-pajjiż, prinċipalment fir-Russja biex jgħinu lil familthom bil-flus li jaqilgħu. Dawn il-flus jintefqu f’rinovazzjonijiet għad-djar u ċerimonji taż-żwieġ.

Ir-restrizzjonijiet illaxkaw xi ftit minn dak propost inizjalment. L-ewwel verżjoni issuġġeriet fost l-oħrajn li l-massimu ta’ mistiedna jista’ jilħaq 150 persuna.

Il-President Użbek Shavkat Mirziyoyev ikkritika t-tiġijiet kbar u qal li dawn ta’ spiss igiegħlu lin-nies li jkunu kbar fl-età jgħaddu minn tbatija kbira. Hu qal li uħud jispiċċaw imutu b’xi attakk tal-qalb wara li jindunaw li mhux kapaċi jħallsu d-dejn.