Il-President u s-Sinjura Vella jżuru l-proċess tal-għadd tal-flus miġbura waqt l-Istrina

Il-President George Vella flimkien ma’ martu s-Sinjura Vella żaru l-proċess tal-għadd tal flus miġbura matul il-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank 2020.

Il-President George Vella flimkien ma’ martu s-Sinjura Vella żaru l-proċess tal-għadd tal flus miġbura matul il-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank 2020.  

Dan il-proċess qiegħed isir b’reqqa fl-uffiċini prinċipali tal-Bank of Valletta f’Santa Venera. Dawn  il-flus inġabru mill-iskejjel ta’ Malta u Għawdex sabiex is-somma totali ser tingħata lill-Malta  Community Chest Fund Foundation (MCCFF).  

F’kelmtejn qosra, il-President George Vella rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-kollaborazzjoni  tagħhom u radd ħajr lill-voluntiera kollha tal-MCCFF li jiddedikaw ħin prezzjuż għal din il-kampanja.  

Il-President esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-sehem li taw l-istudenti, l-għalliema u anke l-ġenituri  f’din il-kampanja, din is-sena kemmxejn differenti minn snin mgħoddija.  

Min-naħa tiegħu, is-Sur Charles Azzopardi, f’isem il-Bank of Valletta fisser il-kampanja ta’ din is sena bħala waħda mill-aktar ta’ sfida hekk kif riedet tingħata aktar importanza u attenzjoni lis-saħħa  u s-sigurtà ta’ dawk kollha li pparteċipaw.  

Din kienet is-sbatax-il edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li rat bidla fil-materjal tal karus innifsu li din is-sena kien magħmul minn materjal riċiklat. Is-somma miġbura se tiġi ppreżentata  waqt l-Istrina tas-Sibt, 26 ta’ Diċembru li ġej.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni