Il-President twissi li l-mowbajls u tablets jistgħu jkunu mezz ta’ firda

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-mowbajls u t-tablets jistgħu jkunu mezz ta’ firda.
Il-President kienet qed titkellem waqt il-konferenza nazzjonali “Il-Familja, Soċjetà Inklussiva u l-Isfidi għall-Ġejjieni” li saret illum. Il-konferenza ffukat fuq l-irwol importanti tal-familja fi ħdan is-soċjetà Maltija kontemporanja.
Min-naħa l-oħra, Coleiro Preca qalet li dan l-apparat elettroniku jista’ jżomm lin-nies f’kuntatt ma’ xulxin.
Coleiro tkellmet ukoll dwar l-irwol tal-familja fis-soċjetà.
“Mingħajr dubju, il-familja hija l-istituzzjoni l-aktar fundamentali fi ħdan is-soċjetà Maltija. Fil-fatt, il-familji huma l-pedament li fuqu jista’ jinbena l-ambjent addattat biex niksbu il-ġid soċjali.”
Il-President kompliet tgħid li “bħal kull istituzzjoni ħajja, il-kunċett tal-familja evolva matul iż-żmien” u li se jkompli jevolvi. Qalet li wieħed irid jgħaraf li l-kunċett tal-familja irid ikun wieħed aktar inklussiv u s-soċjetà trid tkun aktar miftuħa u kapaċi li tiċċelebra d-diversità sħiħa tas-soċjetà kontemporanja.
Fi kliem il-President kien hemm avvanzi fejn tidħol il-leġiżlazzjoni. Qalet li jrid isir aktar biex il-liġijiet jirriżultaw f’bidliet effettivi.
Coleiro Preca qalet li semgħet b’każi fejn il-ġenituri ma jkunux iridu t-tfal tagħhom jagħmluha ma’ tfal li ġejjin min familji b’ġenituri tal-istess ġeneru. Qalet li semgħet b’każi oħra ta’ faqar, immigrant emarġinati, u stigma kontra familji b’ġenitur wieħed.
Il-President qalet li m’għandux ikun permessibli li dawn il-familji jħossuhuom “anqas minn familji oħra” sempliċiment għax mhux mibnija fuq il-mudell tradizzjonali.
Il-President irringrazzjat lill-Ministru għall-Familja Michael Falzon talli organizza l-konferenza. 
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill