Il-President twiegħed li se tibqa’ qrib il-vittmi tal-inċident ta’ Paqpaqli

Wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta dwar l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina, il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li r-reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-inkjesta ma tistax tkun waħda ta’ ġudizzju, minħabba li issa li l-inkjesta ngħalqet, din dieħla f’parti oħra tal-proċeduri legali.
Għaldaqstant il-President qalet li ma jkunx xieraq li tikkummenta dwar dan. Hija saħqet li jeħtieġ li nħallu f’idejn l-awtoritajiet kompetenti biex dawn jassiguraw ssir ġustizzja.
Il-ħsieb ewlieni tal-President jibqa’ dwar dawk il-persuni li weġġgħu u li ma tista’ ssib ebda kliem li jista’ jfarraġ u jnessi t-tbatija u t-trawma li għexu u li għadhom jgħixu.
Għall-President dan l-inċident jibqa’ memorja kerha, fejn attività li kienet maħsuba biex tagħmel il-ġid u tferraħ lin-nies spiċċat f’esperjenza ta’ dulur.
Hija assigurat li tibqa’ ssegwi mill-qrib lill-vittmi tal-inċident, u lill-familji tagħhom.