Il-President tniedi l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca nediet il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, li magħruf bħala l-August Moon Ball, li se jsir is-Sibt 2 ta’ Awwissu li ġej.
Il-Markeżino Daniel De Petri Testaferrata, ic-Chairman tal-Ballu rringrazzja lill-President u lis-Sur Preca talli taħt il-Presidenza l-ġdida reġa’ ġie fdat biex jorganizza l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.
Il-President Coleiro Preca qalet li d-domanda għall-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund kompliet tikber tant li fil-ġimgħa qed ikun hemm medja ta’ 60 talba.
Qalet li għalhekk din il-Presidenza se żżid l-attivitajiet organizzati fosthom bl-ewwel attività ġdida li se tittella’ l-ġimgħa d-dieħla bl-isem ta’ ‘Il-Festa f’San Anton’.
Tkellmet ukoll dwar elementi ġodda fil-Ballu hekk kif wieħed mill-għanijiet ta’ din il-Presidenza huwa t-tisħiħ tal-identità Maltija.
Fost dawn l-elementi hemm l-introduzzjoni ta’ rikostruzzjoni tal-epoka tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kif ukoll il-karozzin li se jkun qed iwassal lil dawk li se jattendu, mill-post fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom barra l-Palazz sa ġol-Palazz fejn se jsir il-Ballu.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri