Aġġornata (2): Ħadd mill-mexxejja politiċi ma jikkummenta dwar il-laqgħa mal-President

Ħadd mill-mexxejja politiċi ma kkummenta dwar il-laqgħa separata li kellhom mal-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta' San Anton.
Mistoqsi mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-laqgħa li kellu mal-President hi privata.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal ukoll li apprezza li l-President hi konxja tal-gravità tas-sitwazzjoni preżenti u sejħitilhom. Sostna li issa l-kwistjoni tinsab f’idejha u jħalli lilha terfa’ r-responsabbiltà tagħha. 
Dalgħodu, fi stqarrija, il-President qalet li l-ġimgħa li għaddiet segwiet bir-reqqa dak li kien qed jiġri u li sejħet lill-mexxejja politiċi ewlenin wara li ħadet parir mingħand il-konsulenti kostituzzjonali tagħha nhar is-Sibt.
"Il-liġi trid tiġi osservata minn kulħadd"
Żiedet tgħid li l-poteri tal-President ta' Malta huma limitati mill-Kostituzzjoni nnifisha u li hi se teżerċita dawk il-ftit poteri mogħtija lilha.
Il-President fissret li f'dan l-istadju mhux se tkun qed tagħmel dikjarazzjonijiet fuq din il-materja, sabiex l-istituzzjonijiet indipendenti jagħmlu xogħolhom.
Saħqet li Malta hija demokrazija u li l-liġi trid tiġi osservata minn kulħadd.
Joseph Muscat u Simon Busuttil, it-tnejn ikkumentaw fuq tweet dwar din is-sejħa mill-President. 
"Ħadd mhu 'l fuq mil-liġi" – Joseph Muscat
Il-Prim Ministru, li l-karozza tiegħu dehret ħierġa mill-Palazz ta' San Anton għall-ħabta tal-11.30am, qal li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi u li l-istituzzjonijiet iridu jiġu rispettati u jitħallew jagħmlu xogħolhom.
"Se nitlobha biex il-kriżi tkun riżolta" – Simon Busuttil
Il-Kap Nazzjonalista qal li kien se jitlob lill-President biex tagħmel dak li tista’ biex din il-kriżi politika tkun riżolta. 
Ilbieraħ hu u jindirizza d-demostrazzjoni nazzjonali organizzata mill-PN, Simon Busuttil appella lill-President biex minkejja li m’għandhiex setgħa legali, tuża l-awtorità morali tagħha u tiftaħ għajnejn il-Prim Ministru biex jirriżenja, f’ġieħ l-interess tal-pajjiż.
Dan wara li ħarġu l-allegazzjonijiet li l-kumpanija Egrant fil-Panama hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.