Il-President titkellem; 20 MP fi Sqallija jitilqu ‘l barra

Ritratt: OPR

Għoxrin Membru tal-Parlament Sqalli li jagħmlu parti mill-Moviment tal-Ħames Stilel (Cinque Stelle) li huwa membru fil-Gvern ta’ koalizzjoni Taljan qamu bilwieqfa u ħarġu minn laqgħa meta bdiet titkellem il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca minħabba l-kwistjoni tal-bastiment Aquarius, skont il-midja Taljana.

Il-President ta’ Malta qiegħda fuq żjara statali fi Sqallija.

Il-Membri Parlamentari qalu li qed jipprotestaw minħabba l-attitudni ta’ Malta dwar l-immigranti. Skont l-MPs, il-mod kif Malta mxiet mal-Aquarius mhux aċċettabbli.

Il-Moviment tal-Ħames Stilel għandu l-akbar grupp parlamentari fi Sqallija.

L-MPs irringrazzjaw lil Spanja talli offriet li tilqa’ s-629 immigrant abbord l-Aquarius.

Il-President tal-Assemblea, Gianfranco Miccichè, skuża ruħu ma’ Coleiro Preca.

“Niskuża ruħi ta’ dawn ix-xeni aggressivi u nassigurak li l-maġġoranza tan-nies ta’ Sqallija mhumiex hekk” qal Miccichè.