Il-President “tispjega l-Presidenza” lil George Vella

DOI - Kevin Abela

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tul l-aħħar ġimgħat sejħet diversi laqgħat mal-President Nominat, George Vella sabiex tgħaddilu kemm jista’ jkun informazzjoni dwar ix-xogħol li jsir fl-Uffiċċju tal-President, fil-Malta Community Chest Fund Foundation u l-inventarji.

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President ġie spjegat ukoll li saru diversi laqgħat bejn l-ufiċċjali tas-Segretarjat tal-President Coleiro Preca u dak tal-President Nominat Vella, fijn tlaqqgħu man-nies u ġew diskussi d-diversi proċeduri tal-ħidma tal-Uffiċċju tal-President.

Illum imbagħad, Coleiro Preca għaddiet l-inventarji kkumpilati minn Heritage Malta tal-wirt storiku u kulturali li jinsabu fil-Palazzi Presidenzjali, fosthom anke inventarju tar-rigali tal-istat li Coleiro Preca rċeviet tul dawn il-ħames snin u li jinsabu għall-wiri b’mod permanenti fil-Palazz, il-Belt Valletta. Vella rċieva wkoll katalgu tal-kotba li jinsabi fil-librerija tal-Palazz ta’ San Anton.