Il-President tipproponi li jkun hemm persuna li tħares lit-tfal adottati

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca proponiet li biex jissaħħaħ il-proċess ta’ adozzjoni tinħatar persuna mill-Qorti biex tħares l-interess tat-tfal adottati.
Waqt laqgħa ta’ kortesija li kellha mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-membri tal-Kabinett, il-President qalet li dan ikompli jassigura li d-drittijiet tat-tfal jiġu salvagwardjati.
Din il-persuna maħtura mill-Qorti diġà tifforma parti mill-abbozz tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal.
Il-Prim Ministru qabel mal-proposta mressqa mill-President u semma kif każijiet tal-care orders iridu jinfatmu minn taħt idejn il-politiku u jingħataw għal kollox f’idejn l-esperti.
Irrefera wkoll għal vot li se jittieħed dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-unjonijiet ċivili, li fi kliemu se jwassal għal żvilupp storiku, li se jaħdem fl-interess tat-tfal u l-ugwaljanza. Il-Prim Ministru sostna li l-ebda tifel jew tifla, u l-ebda persuna ma għandha tbati minn diskriminazzjoni. 
Qal li t-tħassib tal-President huwa t-tħassib tal-Gvern, u hu għalhekk li l-interessi tat-tfal jinsabu f’post daqstant importanti fl-aġenda ta’ xogħol li jrid jitwettaq.