Il-President tinsisti kontra s-swat lit-tfal

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro sostniet li huwa inaċċettabbli li wieħed isawwat it-tfal bħala kastig. Dan għaliex wieħed ikun qed jikser id-drittijiet tagħhom, filwaqt li jkun qed jattakka b’mod dirett id-dinjità tagħhom.
Dan qalitu fid-diskors tagħha waqt il-ftuħ tal-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar il-Projbizzjoni tal-Punizzjoni Fiżika.
Il-President żiedet tgħid li s-swat fuq it-tfal minflok jgħin biex itejjeb l-imġieba tagħhom, juri attitudnijiet aggressivi li aktar tard jimmanifestaw fi żvilupp anti-soċjali u li jkisser lit-tfal.
Fid-diskors tagħha esprimiet is-sodisfazzjon tat-tibdil fil-Kodiċi Kriminali fis-sena 2014, li agħmel is-swat fuq it-tfal illegali fil-gżejjer Maltin.
Il-President talbet għal aktar taħriġ fost il-ġenituri u gwardjani sabiex jiddixxiplinaw lit-tfal b’mod li mhux vjolenti u abbużiv.
“Irridu nippromwovu attitudni pożittiva fost it-tfal” – Il-Ministru Falzon
Fid-diskors tiegħu waqt l-istess konferenza il-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li hemm bżonn ta’ promozzjoni ta’ kultura li tħeġġeġ attitudni pożittiva fost it-tfal, u li tiġi eliminata għal kollox il-punizzjoni fiżika.
Fi stqarrija mill-Ministeru għad-Drittijiet tat-Tfal intqal kif waqt il-konferenza kien hemm qbil unanimu li kull tip ta’ vjolenza jew aggressjoni biex tibdel l-atteġġjament tat-tfal hija ta’ detriment kemm għat-tfal, għall-adulti, u għas-soċjetà inġenerali.
Il-Ministru temm bl-assigurazzjoni li l-Gvern se jkompli jipprijoritizza d-drittijiet tat-tfal fil-qalba tal-politika u l-azzjonijiet tiegħu.