Il-President tindirizza workshop tal-UN dwar il-faqar u l-inugwaljanza

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat workshop tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-faqar, l-inugwaljanza u l-konflitti globali li sar fi New York.
Coleiro Preca irrimarkat kif l-ammont tan-nies li jgħixu fil-faqar qiegħed dejjem jiżdied u dan meta l-GDP ta’ ħafna pajjiżi qed tiżdied.
Qalet li tittama li meta tikber l-ekonomija jonqos in-numru tal-persuni fir-riskju tal-faqar.
Enfasizzat li wieħed minn kull erba’ persuni fl-Ewropa qed jgħixu fir-riskju tal-faqar jew fl-esklużjoni soċjali, b’madwar 20 miljun persuna f’din is-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Il-President ta’ Malta appellat biex il-pajjiżi jgħaqqdu flimkien il-ħidma tagħhom fil-ġlieda kontra politika li qed twassal għal din is-sitwazzjoni ta’ faqar.
Qalet li din is-sitwazzjoni qed twassal ukoll għal kunflitti dinjija u għall-immigrazzjoni.