Il-President tilqa’ lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca illum kellha laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Ban Ki-Moon fil-Palazz ta' Sant'Anton.
Waqt din il-laqgħa, il-President ta’ Malta u s-Segretarju Ġenerali tkellmu fuq il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli, fil-kuntest tal-edukazzjoni, il-faqar, il-kriżi tal-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima u x-xogħol li jrid isir fil-komunitajiet.
Il-President tenniet dak li kienet qalet waqt l-indirizz tagħha fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda u qalet li hemm bżonn li l-mexxejja tad-dinja jingħaqdu flimkien biex jippromwovu bi sħiħ l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika, filwaqt li dejjem ikunu ambaxxaturi tal-paċi.
Hija qalet li għalkemm din mhux dejjem tista’ tkun pożizzjoni popolari, hemm il-ħtieġa biex kulħadd ikun kuraġġjuż sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tan-nies vulnerabbli, kull fejn jinsabu.