Filmat: Il-President tikkundanna l-istat li jinsabu fih l-annimali ta’ San Anton

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca kkundannat l-istat li jinsabu fih l-annimali fil-ġonna pubbliċi ta' San Anton.
Ilbieraħ Newsbook.com.mt ippubblika numru ta' ritratti li ħadet persuna li żaret il-ġonna u lmentat dwar l-istat li qed jgħixu fih l-annimali.
Fuq Facebook, il-preżentattriċi Moira Delia, li xi jiem ilu organizzat protesta silenzjuża biex ikun hawn aktar infurzar tal-liġijiet li jħarsu l-annimali, qalet li l-President ċemplitilha tinfurmaha li l-annimali ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Uffiċċju tagħha.
Għaldaqstant, Delia ħeġġet lill-awtoritajiet konċernati, speċjalment lis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes biex jieħu azzjoni mmedjata.
L-Environment Landscape Consortium jiċħad l-allegazzjonijiet
Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, kelliem għall-ELC ċaħad li l-annimali qed jgħixu fi stat ħażin jew bla ikel.
Qal li li r-ritratti mhux vera ttieħdu fl-aħħar jiem.
Żied jgħid li għadd ta' persuni jieħdu ħsieb li għal aktar minn darba kuljum iżuru l-annimali biex jaraw li ma jkun jonqoshom xejn. 
Temm jgħid li l-ELC tieħu ħsieb dawn l-annimali mir-riżorsi tagħha u tagħmel dan bl-akbar responsabbilità.
Filmat: Claire Bonello